Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea trid li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura Maltija

Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lill-Gvern Malti biex matul din is-sena u matul is-sena d-dieħla fost oħra tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħatriet u tkeċċijiet tal-membri tal-ġudikatura.

Il-Gvern Malti qed ikun imħeġġeġ ukoll biex jitwaqqaf servizz ta’ prosekuzzjoni separat.

Dan joħroġ mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, li kienu ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea f’rapport formali.

Rakkomandazzjonijiet li jikkonfermaw il-kritika meta l-Gvern Malti njora id-diversi sejħiet li saru mis-soċjeta’ ċivili sabiex ma jkomplux isiru ħatriet sakemm ikunu implimentati ir-riformi fil-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura kif rakkomandati mill-Kummissjoni Venezja.

Il-Kunsill tal-Ewropa qed jissuġġerixxi wkoll lill-Gvern Malti li tkun imsaħħa l-governanza, fost oħrajn billi jsir sforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u dawk akkużati jitressqu quddiem il-Qorti.

Dan apparti li kien innutat fost oħrajn li hemm bżonn tisħiħ fil-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus, u fuq kollox infurzar.

L-istess rapport jinnota li pajjiżna hu nieqes minn politika eknomika relatata mal-investiment, b’mod speċjali fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija kif ukoll il-bżonn ta’ iktar trasport sostenibbli, it-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku kif ukoll edukazzjoni u taħriġ li hu inklussiv.