PORTUGALL…….. 3 ŻVIZZERA………… 1
Tripletta ta’ Cristiano Ronaldo poġġiet lit-tim nazzjonali tal-Portugall fil-finali tal-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League b’rebħa ta’ 3-1 kontra l-Iżvizzera f’Estadio do Dragao. Huma jkunu jafu l-avversarju tagħhom għall-finali tal-Ħadd li ġej għada, bl-Olanda tilgħab kontra l-Ingilterra. Bit-tliet gowls li skorja, Ronaldo skorja 88 gowl mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.
Ċans għat-tim Portugiż wara 12-il minuta meta minn żball ta’ Manuel Akanji, Bernardo Silva għadda lejn Cristiano Ronaldo iżda minn qagħda ideali laqat il-ballun ħażin u xeħet barra. Żewġ minuti wara, okkażjoni għall-Iżvizzera, bi kross mil-lemin ta’ Xherdan Shaqiri lejn Haris Seferovic iżda l-attakkant naqas li jikkonkludi bir-ras.
Il-Portugall fetħet l-iskor fil-25 minuta bi free-kick dirett fuq it-tieni lasta ta’ CRISTIANO RONALDO li ħalla lil Yann Sommer iħares. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Seferovic reġa’ kien perikoluż meta din id-darba stampa l-ballun mal-mimduda wara li rċieva mil-lemin.
Il-logħba kellha żvolta fit-53 minuta. L-Iżvizzera pprotestat għal penalty fuq Steven Zuber, il-logħba kompla u kienu l-Portugall li fl-azzjoni li jmiss ingħataw penalty għal fawl ċar fil-kaxxa fuq Bernardo Silva. Ir-referee Ġermaniż Felix Brych ikkonsulta mal-VAR u wara li ra l-azzjoni tal-Iżvizzera, ordna penalty għal fawl ta’ Nelson Semedo fuq Zuber u kkanċella l-penalty għat-tim Portugiż. Mill-11-il metru nkariga ruħu RICARDO RODRIGUEZ li b’xutt fil-baxx fuq il-lemin tiegħu għeleb lil Rui Patricio.
Il-logħba baqgħet bilanċjata u dehret destinata li tkompli fil-ħin barrani sakemm fis-87 minuta CRISTIANO RONALDO wera l-kwalità tiegħu meta rċieva fil-baxx mil-lemin mingħand Silva u b’xutt mill-ewwel fil-baxx għadda l-ballun bejn Sommer u l-wieqfa. L-Iżvizzeri tefgħu kollox fl-attakk iżda ftit sekondi wara spiċċaw biex anki sofrew it-tielet gowl. Kien kontrattakk b’CRISTIANO RONALDO jirċievi l-ballun fl-ispazju u b’finta tipika tiegħu ġibed għan-nofs biex għeleb lil Sommer b’xutt għar-rokna.
//= $special ?>