Futbol Sport

Imut l-eks President tal-UEFA Lennart Johansson

(Ritratt: EPA)

Tħabbret il-mewt tal-eks President tal-UEFA Lennart Johansson fl-età ta’ 89 sena. Johansson jibqa’ jissemma fl-istorja tal-futbol Ewropew bħala l-bniedem li biddel il-futbol f’dan il-kontinent. Hu dam President tal-UEFA għal 17-il sena bejn l-1990 u l-2007.

Fiż-żmien li għamel imexxi l-UEFA, l-assoċjazzjoni ttrasformat ruħha kemm mill-att sportiv kif ukoll mill-aspett kummerċjali. Il-UEFA żviluppat minn assoċjazzjoni amministrattiva għal organizzazzjoni sportiva moderna fil-Puntent tal-Iżvizzera.

Johannson twieled fil-5 ta’ Novembru tal-1929 f’subborg ta’ Stokkolma. Wara li kiseb esperjenza amministrattiva ma’ AIK Solna, Johannson serva bħala President tal-assoċjazzjoni Żvediża bejn l-1984 u l-1991. L-Iżvediż ġie elett bħala l-ħames President tal-UEFA fl-1990 fil-Kungress li sar f’pajjiżna. Taħt il-Presidenza ġiet trasformata l-UEFA Champions League, li saret l-akbar kompetizzjoni ta’ prestiġju fid-dinja.

Il-Kampjonat Ewropew tat-timijiet nazzjonali wkoll kiber fl-istatura tiegħu, hekk kif sar aktar popolari filwaqt li t-tournament kiber minn tmien nazzjonijiet għal 16 kemm dam fit-tmexxija. Fl-2007 hu nħatar President Onorarju waqt il-Kungress tal-UEFA f’Dusseldorf u baqa’ jattendi laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA.

B’sinjal ta’ rispett se tkun osservata minuta ta’ silenzju waqt il-logħbiet ta’ din il-ġimgħa mill-UEFA Nations League, il-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew u l-logħbiet ta’ taħt il-21 sena.