It-temp kalm fiċ-ċentru tal-Mediterran qed jgħin mhux ftit biex traffikanti ta’ persuni jissoktaw bi vjaġġi klandestini lejn l-Ewropa, b’rapporti varji jirreferu għall-moviment ta’ eluf kbar mill-kosta Afrikana. U f’ġurnata waħda biss…f’Malta iddaħħlu madwar 370 immigrant fi tliet gruppi separati.
L-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tat-8, iddaħħlu Malta 124 immigrant fosthom nisa u tfal.
Dan wara li matul il-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, l-immigranti ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif kienu jinsabu fil-periklu abbord dgħajsa fl-ibħra territorjali Maltin.
L-immigranti kienu trasferiti fuq il-patrol boat P21 tal-AFM biex imbghad aktar tard iddaħħlu f’Xatt it-Tiben.
Bħalissa qed issir ħidma biex tiġi stabbilita l-identità ta’ dawn il-persuni. Oriġinarjament, l-AFM f’komunikat uffiċjali kienet qalet li se jidħlu 63 immigrant…iżda wara, irriżulta li n-numru kien id-doppju.
Imbagħad, tliet siegħa wara rajna l-wasla ta’ aktar immigranti – din id-darba grupp ta’ 147 immigrant li ddaħħal Malta abbord il-patrol boat P61.
Dan iżda ma kienx l-aħħar żbark – kien fadal aktar. Fil-fatt, wara nofsinhar l-armata daħlet mal-100 immigrant ieħor li twasslu f’Xatt it-Tiben. Immedjatament bdew l-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija li nterrogat lil dawn l-individwi.
Din hija l-ħames wasla ta’ immigranti f’Malta f’temp ta’ ftit jiem hekk kif il-Ħamis li għadda ddaħħal grupp ta’ 75 immigrant wara ħidma ta’ salvataġġ mill-Forzi Armati ta’ Malta bl-għajnuna tal-Gwardja tal-Kosta Taljana u l-Gwardja tal-Kosta Libjana.
Iktar kmieni, fil-25 ta’ Majju ddaħħlu Malta 216 immigrant, li l-maġġoranza tagħhom kienu ġejjin mis-Sudan. L-immigranti kienu ġew salvati f’żewġ operazzjonijiet separati fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fuq żewġ dinghies.
B’hekk, f’temp ta’ ftit ġranet iddaħħlu f’pajjiżna kważi 670 immigrant.
//= $special ?>