Lokali Qorti

Jiġu preżentati “recordings” ta’ telefonati minn priġunieri li kienu jsiru lil Jordan Azzopardi

“Recordings” ta’ telefonati minn priġunieri fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin lill-allegat traffikant tad-droga Jordan Azzopardi kienu ppreċentati waqt il-kumpilazzjoni fil-Qorti tal-Maġistrati.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca ipprovda lill-Qorti b’kopja uffiċjali ta’ telefonati interċettati li saru minn priġunieri lejn Azzopardi, bix-xhud jispjega li din id-data kienet ukoll verifikata mal-awtoritajiet tal-ħabs.

Meta kien qed jirrispondi mistoqsijiet tal-Avukat Arthur Azzopardi, l-Ispettur Mercieca qal li r-recordings kollha f’dan il-kuntest qatt ma ġew ikkanċellati u ma kellhom ebda data ta’ skadenza, sakemm dawn saru mill- “phone booths” tal-ħabs.

Xhud minnhom, Mark Ciantar, li huwa “sales representative” għal-kumpanija tal-kiri li kriet il-propjeta’ Ta’ Liberat Farmhouse, lill akkużat, xehed kif hu kien wera’ l-propjeta’ lill-akkużat, iżda ma kienx involut fl-arranġament tal-kirja.  

Il-villa kienet qed tinkera għas-somma ta’ €3,500 fix-xahar, bil-ħlas mal-kumpanija isir fi flus kontanti. Ix-xhud ma setgħax jgħid min kien imur iħallas personalment, iżda tenna li kien darba ltaqa’ ma’ Azzopardi meta kien hemm każ ta’ ħlas tard fuq il-kirja.

Surġent mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, Johann Micallef, fuq droga, bil-propjetajiet ikunu f’Birkirkara, l-Gżira, Marsa u Pieta’. F’dawn il-każijiet kollha, iċ-ċirkostanzi kienu simili, fejn kien hemm bibien tal-metall, barrikadi tal-ġebel u tankijiet bl-aċċtu bi traċċi ta’ dik li hija suspettata eroina. 

Il-postijiet kienu kollha sorveljati minn CCTV cameras u monitors, qal l-uffiċjal. Dwar il-ġurnata ta’ meta kien arrestat Azzopardi, u t-tfittxija fil-farmhouse ta’ San Pawl il-Baħar, l-għada, l-uffiċjal qal li kien hemm numru konsiderevoli ta’ ballal ta’ qiesin differenti u nstabu wkoll ħames laptops Apple, tliet IPhones, li kienu kollha ġodda fijamanti, u ppakkjati f’waħda mill-kmamar tas-sodda.   

Flixken tal-ammonia u oġġetti oħra relatati mad-droga nstabu wkoll waqt it-tfittxija. Fi tmiem is-seduta, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, semgħet is-sottomissjonijiet minn naħa tal-Avukat Difensur, Alfred Abela fejn dan staqsa dwar il-validita’ tal-arrest kontinwu fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi f’dan l-istadju, meta ix-xhieda pajżana kollha xehedu jew kellhom l-istqarrija tagħhom preżervata fir-records tal-inkjesta.

“Ma hemm l-ebda biża’ li Azzopardi jaħrab minn Malta jew li jbagħabas fl-evidenza,” qal l-Avukat Abela, fejn insista li kemm il-ġurisprudenza lokali u dik tal-Unjoni Ewropa, jgħidu li l-arrest huwa eċċezzjoni u mhux in-norma.

Madankollu l-Ispettur Mercieca irribatta billi qal li għad baqa’ xi persuni ċivili biex jixhdu u l-gravita tar-reat huwa wieħed kbir u reali, u qal li l-Prosekuzzjoni għandha bżonn aktar żmien biex tkompli bil-każ. Il-Qorti qalet li se tiddeċiedi għal meta jkun il-waqt fuq it-talba tad-difiża. Il-kumpilazzjoni tkompli l-ġimgħa d-dieħla.