Il-Malta Football Association ħabbret li b’effett immedjat issospendiet lill-Malta Football Referees Association. Dan wara li l-MFRA naqset li timxi ma’ rikjesta tal-Bureau tal-MFA li tipposponi l-Laqgħa Ġenerali Annwali tat-Tnejn li għadda. L-MFA kienet avviċinata minn serje ta’ uffiċjali li esprimew it-tħassib tagħhom fuq deċiżjoni tal-MFRA li ċċaħħad aktar minn nofs il-membri milli jivvutaw fl-istess LĠA.
Fi stqarrija, l-MFA qalet li l-MFRA naqset li tipprovdi assigurazzjoni li dawn l-ilmenti ma kinux ġustifikati. B’kollox kienu 102 uffiċjali li ppreżentaw petizzjoni lill-MFA. Il-Bureau li hu magħmul mill-ogħla uffiċjali tal-MFA, ħa d-deċiżjoni li jipposponi l-LĠA tal-MFRA wara li talbu kjarifika mill-MFRA iżda din it-talba wkoll ġiet injorata, kompliet tgħid l-istqarrija.
F’laqgħa t-Tnejn li għadda, li attendew Alexie Tabone u Emmanuel Zammit f’isem l-MFRA, huma kienu mitluba jipprovdu aktar dokumentazzjoni biex tiċċara l-kwistjoni. B’hekk l-MFA ma kienx fadlilha triq oħra ħlief li tħares ir-regoli tagħha stess u tissospendi lill-MFRA. Din id-deċiżjoni se tkun rappurtata lill-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill tal-MFA fl-ewwel opportunità li jkollhom.
Intant fi stqarrija dwar il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, l-MFRA qalet li l-LĠA saret kif skedat u uriet id-disapprovazzjoni tagħha għall-imġieba tal-MFA. Huma sostnew li l-assoċjazzjoni ppruvat tfixkel il-proċess tal-għaqda li sostnew li hi awtonoma fit-tmexxija tagħha minkejja li hi membru tal-MFA.
L-istqarrija kompliet tgħid li fil-bidu tal-LĠA ġiet diskussa r-rikjesta tal-MFA biex tiġi posposta l-laqgħa u b’mod unanimu l-membri kollha ddeċidew li l-LĠA kellha titkompla. L-eks assistent referee Emanuel Zammit inħatar President u Glen Tonna nħatar Viċi President. Chris Francalanza u Alexie Tabone nħatru Segretarju u Teżorier rispettivament, b’tal-aħħar iservi President fl-aħħar erba’ snin.
//= $special ?>