Qorti

Missier Liam Debono ma jixhidx kontra ibnu

Debono kien inqabad isuq bla liċenzja darboħra fiż-Żejtun

Kompla jinstema’ l-każ ta’ Liam Debono li jinsab akkużat li x-xahar li għadda saq bla liċenzja waqt li jinsab bil-libertà proviżorja dwar il-każ li għadu għaddej ta’ hit and run fuq is-Surgent Simon Schembri.

Debono kien rega’ ġie arrestat fi Triq Mikelanġ Sapiano f’Ħal-Luqa ix-xahar li għaddau llum intemm is-smigħ tax-xhieda kollha f’dan il-każ.

Fis-seduta, meta missier l-akkużat intalab jagħti x-xhieda tiegħu dwar il-każ li ġie arrestat dwaru ibnu, hu rrifjuta li jixhed. Xi ħaġa aċċettata mill-Qorti li tagħti dritt li wieħed ma jixhidx kontra membru tal-familja tiegħu.

Uffiċjal tal-probation li xehed waqt din is-seduta qal li l-akkużat kien ħa test li mmarka pożittiv għall-kannabis f’April li għadda. Sadanittant sid il-karozza Fiat li Debono jinsab akkużat li saq, ċertu Jason Zammit, ukoll irrifjuta li jixhed biex ma jinkriminax lilu nniffsu.

Madankollu huwa kien qal lill-Pulizija li ġew fuq il-post dakinhar li kien ħalla lil Liam Debono isuq distanza qasira fil-garaxx meta kienu qed jaħslu l-istess karozza.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza, ħareġ ukoll li Debono kien intlemaħ isuq BMW fi Triq fiż-Żejtun nhar is-6 ta’ Mejju fejn kważi ħabat ma’ pulizija li ma kienx xogħol dak il-ħin. Il-Pulizija ċempel l-għassa biex jirraporta iżda ma baqax isuq warajh.

Kirsty Zammit, bint Jason Zammit li fuqha hija rreġistrat l-BMW, fix-xhieda tagħha qalet li hija kienet is-sid ta’ żewġ karozzi.

Qalet ukoll li hija ċerta li l-karozzi kienu fil-garaxx meta hi ma kienitx hemm minħabba li kellha żewġ settijiet taċ-ċwievet. Il-Maġistrat spjega li l-Pulizija raw il-karozza tagħha qed tiġi misjuqa u wissieha biex tgħid il-verita’, inkella kienet se tinżamm arrestata u jibdew proċeduri kontriha.

Ix-xhud inistiet bil-verżjoni tagħha u qalet li ma kienitx taf jekk missierha kienx għamel ċavetta oħra għalih.

Il-Maġistrat Joe Mifsud iddikjara l-provi kollha magħluqin u ħalla s-sentenza għas-26 ta’Ġunju li ġej.