Il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia sejjaħ l-iskwadra finali ta’ 23 plejer bi preparazzjoni għat-tielet impenn ta’ Malta kontra l-Iżvezja l-Ġimgħa fil-Friends Arena, logħba minn Grupp F tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla.
Assenza notevoli mill-iskwadra l-captain tat-tim nazzjonali Michael Mifsud li mhux fl-iskwadra li ħalliet pajjiżna lbieraħ hekk kif għadu qed jirkupra minn injury. Dan ma jfissirx li Mifsud se jitlef il-logħba tat-Tnejn kontra r-Rumanija hekk kif se ssir l-evalwazzjoni neċessarja wara l-logħba kontra l-Iżvediżi. Mill-iskwadra proviżorja ta’ 26 plejer, naqsu l-midfielder ta’ Sliema Wanderers Ryan Fenech u l-plejer offensiv ta’ Senglea Athletic Leighton Grech li t-tnejn huma mweġġgħin.
Il-bażi tal-iskwadra hi dik li lagħbet l-ewwel żewġ logħbiet, anki jekk Farrugia se jkollu jgħaddi mingħajr il-midfielder ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier, id-difensur ta’ Ħamrun Spartans Karl Micallef flimkien mal-attakkanti Jurgen Degabriele u Jean Paul Farrugia. Fl-iskwadra ta’ 23 plejer issejjaħ għall-ewwel darba l-plejer ta’ Mosta Dexter Xuereb kif ukoll il-midfielder ta’ Ħamrun Spartans Triston Caruana.
Fl-ewwel żewġ logħbiet, l-Iżvezja kisbet erba’ punti b’rebħa ta’ 2-1 fuq ir-Rumanija u draw ta’ 3-3 kontra n-Norveġja. Malta fuq in-naħa l-oħra, rebħet 2-1 kontra l-Gżejjer Faroe iżda sfat megħluba minn Spanja 2-0.
Skwadra finali
Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta, Justin Haber (Gżira United), Andrew Hogg (Birkirkara)
Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs), Steve Borg (Valletta), Jonathan Caruana (Valletta), Joseph Mbong (Hibernians), Zach Muscat (SC Olhanense), Dexter Xuereb (Mosta), Joseph Zerafa (Valletta)
Midfielders: Triston Caruana (Ħamrun Spartans), Juan Corbalan (Gżira United), Paul Fenech (Balzan), Luke Gambin (Crawley Town), Jake Grech (Hibernians), Bjorn Kristensen (Hibernians), John Mintoff (Sliema Wanderers), Rowen Muscat (Valletta), Dunstan Vella (Hibernians)
Attakkanti: Alfred Effiong (Balzan), Luke Montebello (Birkirkara), Kyrian Nwoko (Valletta)
//= $special ?>