Internazzjonali

Renju Unit: Ir-Reġina Eliżabetta tfaħħar l-eroiżmu tal-mejtin waqt D-Day

Ir-Reġina Eliżabetta ilbieraħ raddet ġieħ ‘lill-eroiżmu u s-sens tas-sagrifiċċju’ li urew daqstant suldati żgħażagħ li kellhom jitilfu ħajjithom waqt l-invażjoni ta’ D-Day.

Dan waqt it-tifkiriet tal-75 anniversarju mill-inżul storiku tal-qawwiet alleati fil-kosta tan-Normandija. Azzjoni militari li seħħet fis-6 ta’ Ġunju tal-1944 u li maż-żmien kellha tikkonferma r-rebħa finali fuq il-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler (fl-Ewropa) fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-kommemorazzjonijet saru f’Portsmouth u fejn issieħbu mar-Reġina sittax il-mexxejja tad-dinja fosthom il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li kien qed jikkonkludi ż-żjara statali ta’ tlett ijiem fir-Renju Unit.

D-Day jibqa’ isem storiku li jissimbolizza kampanja militari bis-sehem ta’ qawwiet tal-art, flimkien ma’ oħrajn navali u tal-ajru li taw sehem fl-akbar invażjoni ‘kollettiva’ fl-istorja.

Iċ-ċerimonji saru wkoll fil-preżenza ta’ veterani ta’ dawk il-landings fin-Normandija li seħħew bil-għan li jilliberaw il-punent tal-Ewropa mill-ħakma brutali tan-Nażisti.

Ir-Reġina, waqt diskors, ikkwotat siltiet ta’ xandira li kien għamel missierha, ir-Re Ġorġ VI, fiż-żmenijiet ta’ D-Day. Hi, intant, qalet li l-veterani tal-invażjoni ‘issuperaw il-limitu tal-kuraġġ u l-perseveranza meta d-destin tad-dinja kien qed jiddependi fuqhom’.

Hi irringrazzjat lill-veterani tal-kampanja għan-nom ‘tar-Renju Unti u d-dinja ħielsa’ u sostniet li l-kuraġġ u s-sagrifiċċju tas-suldati li taw ħajjithom mhu se jintesa qatt.

Il-President Trump, sadanittant, qal li D-Day ‘seta’ kien l-akbar battalja fl-istorja, bil-pajjiżi tad-dinja, ilbieraħ, jimpenjaw ruħhom biex id-dinja ma terġax tgħaddi minn konflitt fuq il-livell tat-Tieni Gwerra.

Fost il-mexxejja preżenti għall-avvenimenti tal-75 anniversarju ta’ D-Day, f’Portsmouth, kien hemm il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel; il-President Franċiż, Emmanuel Macron u l-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau.

Membri tal-qawwiet armati, sadanittant, ħadu sehem fil-programm tal-attivitajiet f’Portsmouth, bl-ajruplani tar-Red Arrows (tal-RAF) u ajruplani minn żmien it-Tieni Gwerra jieħdu sehem fil-flypast għall-okkażjoni. Dan waqt li mijiet ta’ veterani qasmu lejn Franza biex ifakkru l-avveniment ta’ D-Day fuq il-kosta tan-Normandija.

Il-kommemorazzjonijiet ta’ D-Day servew ukoll bħala ‘għeluq xieraq’ għall-mawra ta’ Donald Trump fir-Renju Unit ,fejn il-President Amerikan ħa sehem f’sensiela ta’ laqgħat politiċi.