Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Studenti tal-Liġi jispiċċaw b’eżami sospiż

L-Għaqda Studenti tal-Liġi titlob intervent mill-Fakulta'

Studenti Universitarji li qedgħin fil-ħames sena tal-kors tal-Liġi spiċċaw f’nofs taħwida grassa wara li l-eżami tal-Proċeduri Kriminali kellu jiġi sospiż minħabba żballji fil-karta tal-eżami.

Il-każ żviluppa dalgħodu, meta wara biss kwarta mill-bidu tal-eżami kellu jiġi sospiż kollox.

L-istudenti stess indunaw bit-taħwida għaliex sabu materjal tal-proċeduri tal-kriminal li kienu diġa’ eżaminati dwaru aktar kmieni din is-sena.

Net News hu nfurmat li issa l-istudenti se jkollhom jerġgħu jmorru l-Universita’ ta’ Malta fil-5pm biex ipoġġu għal dan l-eżami, bit-tama li din id-darba jkollhom quddiemhom il-karta t-tajba.

Intant fi stqarrija, l-Għaqda Studenti tal-Ligi qalet li din it-taħwida kollha fil-karta tal-eżami poġġiet lill-istudenti fi stress bla bzonn. U għalhekk talbet li jkun hemm xi forma ta’ kumpens – fil-forma ta’ marki – lil dawn l-istess studenti.