Futbol Sport

Taqa’ l-akkuża ta’ stupru kontra Cristiano Ronaldo

Aħbar pożittiva għal Cristiano Ronaldo hekk kif twaqqgħet l-akkuża ta’ stupru fuqu. Il-kawża kienet infetħet fl-Istati Uniti s-sena l-oħra u konsegwenza ta’ dan, l-ishma tal-klabb tiegħu Juventus niżlu b’15%. Il-każ twaqqa’ b’mod volontarju fil-qorti tal-istat ta’ Nevada f’Las Vegas, għalkemm mhux magħruf jekk il-persuna li għamlet l-akkuża, jiġifiei Katheryn Mayorga, laħqitx ftehim mal-istilla Portugiża.

F’Marzu li għadda, il-ġurnal The New York Times kienet ħarġet rapport li l-plejer ta’ Juventus ma kienx se jipparteċipa fl-International Champions Cup fl-Istati Uniti dan is-sajf, biex jiġi evitat ir-riskju li Ronaldo jinżamm mill-awtoritajiet bħala parti mill-investigazzjoni dwar stupru. Ronaldo ċaħad pubblikament l-allegazzjonijiet iżda qatt ma wieġeb għall-akkuża.

Mayorga kienet allegat lejn tmiem Settembru tas-sena l-oħra li kienet stuprata sesswalment minn Ronaldo fl-2009 f’lukanda f’Las Vegas. Hi sostniet li kienet qed tesperjenza trawma emozzjonali u ma kinitx kompetenti biex tipparteċipa fl-investigazzjoni.