Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: Ilma nġazzat għall-pazjenti u soqfa mixquqa – eks uffiċjal jitkellem dwar l-istat tal-isptar Monte Karmeli

Ir-ritratti jitkellmu waħedhom, u għandhom aktar saħħa mill-kliem – hekk stqarr Paul Pace, il-President tal-MUMN meta b’kumment fuq Facebook ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni kurrenti tal-biża’ fl-isptar Monte Karmeli.

L-Erbgħa fil-Parlament ħareġ ċar kif pazjenti li jinsabu rikoverati fl-isptar Monte Karmeli qed jinhaslu b’ilma nġazzat. Dan minħabba li m’hemmx apparat biex issaħħan l-ilma.

Din l-istqarrija saret waqt kumitat Parlamentari minn eks uffiċjal fl-isptar Monte Karmeli.

Paul Dalli, li kien Kap tal-Operazzjonijiet saħaq fuq dawn “il-kundizzjonijiet fqar li l-pazjenti fl-istess sptar qed ikollhom jgħixu bihom”.

Huwa qal li l-pazjenti f’Monte Karmeli ma jkollhomx għażla oħra għajr li jinħaslu għarwiena fejn xulxin, “bla privatezza ta’ xejn”. Tenna li l-madum u s-soqfa fl-isptar huma fi stat makabru ħafna u li Monte Karmeli jinsab fi stat diżastruż għall-aħħar, bl-ebda manutenzjoni jew kważi xejn ma ssir fl-aħħar snin.

Minħabba l-ilma frizat li kienu jinħaslu bih il-pazjenti fl-għeqqel tax-xitwa, tobba kienu jinfurmawh li l-mediċina li kienu jagħtu lill-pazjenti hemm ċans lanqas biss tħalli effett minħabba li t-temperatura tal-ġisem tkun niżlet f’daqqa.

Paul Dalli ta rendikont l-Erbgħa tal-istat tal-isptar hekk kif membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi kienu qed janalizzaw rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li kien irrimarka xogħol suspettuż matul il-kariga tiegħu.

Huwa ammetta li kien impjega nies permezz ta’ kuntratt – li kien ġie ffirmat qabel il-kariga tiegħu – iżda saħaq li s-sitwazzjoni kienet iddisprata u kellu jimpjega lil dawn in-nies biex issolvi ftit mill-ħafna problemi madwar l-isptar. Huwa żied jgħid ukoll li dawn il-ħaddiema tħallsu b’€900 kull xahar biex jaħdmu hemm.

Min-naħa l-oħra Pual Pace, President tal-MUMN sostna li din l-istess union ilha titkellem fuq dan, u se tibqa’ tinsisti dwar is-sitwazzjoni f’Monte Karmeli. U saqsa kif l-awtoritajiet  jibqgħu ma jieħdux azzjoni denja biex jiġu eliminati dawn il-problemi.