Sport Sport Ieħor

Djokovic fis-semifinali tal-Open ta’ Franza kontra Thiem

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic għadda għas-semifinali tal-Open ta’ Franza b’rebħa fuq Alexander Zverev, f’dik li kienet is-26 rebħa konsekuttiva fi Grand Slam. Is-sid numru wieħed rebaħ 7-5, 6-2, 6-2 kontra l-Ġermaniż sid numru ħamsa f’siegħa u 50 minuta. B’hekk hu żamm it-tamiet tiegħu li jkollu l-erba’ titli Grand Slams fl-istess ħin għat-tieni darba.

Djokovic li rebaħ l-erba’ Grand Slams fl-2016, għadu l-unika tennist fil-kompetizzjoni tal-irġiel li għadu ma tilifx set. Il-15-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam se jilgħab kontra l-finalist tas-sena l-oħra Dominic Thiem, bl-Awstrijak għeleb lir-Russu Karen Khachanov 6-2, 6-4, 6-2.

Thiem li tilef kontra Rafael Nadal fis-sena li għaddiet, wasal sas-semifinali tar-Roland Garros għal dawn l-aħħar erba’ snin u rebaħ kontra Djokovic l-aħħar darba li ltaqgħu f’Pariġi sentejn ilu. Din hi l-ewwel darba mill-Open ta’ Franza tal-2012 li hemm Djokovic, Nadal u Roger Federer f’semifinali ta’ Grand Slam.