Sport Sport Ieħor

Halep maħsuda miż-żagħżugħa Anisimova fl-aħħar tmienja tal-Open ta’ Franza

(Ritratt: EPA)

Iż-żagħżugħa Amerikana Amanda Anisimova waslet sas-semifinali tar-Roland Garros b’rebħa sorprendenti fuq is-sid numru tlieta Simona Halep 6-2, 6-4. Anisimova li għandha 17-il sena, qatt ma rebħet logħba f’Roland Garros qabel din is-sena, iżda f’din l-edizzjoni għadha ma tilfitx set, b’dik li se tkun l-ewwel Grand Slam fil-karriera.

Għal Halep dan kien diżappunt hekk kif kienet qed tfittex li tirrepeti s-suċċess tas-sena l-oħra. Dan kien l-unika Grand Slam mirbħu minnha iżda f’dan l-istess tournament kienet spiċċat finalista fl-2014 u fl-2017. Bit-telfa tagħha, fis-semifinali mhux se jkun hemm rebbieħa ta’ Grand Slams.

Jekk l-Amerikana tirbaħ it-titlu, hi ssir l-ewwel tennista żagħżugħa li tirbaħ Grand Slam minn meta Maria Sharapova kienet rebħet l-Open tal-Istati Uniti fl-2006 meta kien għad kellha 19-il sena.

Anisimova li hi s-sid numru 51 fid-dinja, tilgħab fis-semifinali kontra l-Awstraljana Ashleigh Barty li għelbet lil Madison Keys 6-3, 7-5. Din il-kwarti tal-finali kienet posposta l-Erbgħa minħabba x-xita, b’Ashleigh Barty tkun l-aktar tennista preċiża. Is-semifinali l-oħra tkun bejn Johanna Konta u Marketa Vondrousova.