Kyle Camilleri fuq KTM ġie ddikjarat rebbieħ tal-Kampjonat Honda Motocross. Tul dan l-istaġun, Camilleri rebaħ erba’ tlielaq minn sitta filwaqt li spiċċa t-tieni fit-tnejn l-oħra. Hu għalaq l-istaġun b’294 punt segwit minn Mark Mamo fuq Yamaha b’256 punt.
Il-Kampjonat Motocross tal-Veterani ntrebaħ minn Carmelo Borg fuq Honda. Hu rnexxielu jirbaħ kull tellieqa u b’hekk għalaq l-istaġun bi 300 punt. Borg kien segwit minn Jethro Sant fuq Yamaha li għalaq b’248 punt.
Il-Klassi B li fiha jkun hemm sewwieqa li jibdew l-isport, intrebħet minn Daniel Caruana fuq Honda li spiċċa b’286 punt, segwit minn Garry Debono fuq KTM b’276 punt. B’hekk mill-istaġun li jmiss, Caruana u Debono se jkunu qed jieħdu sehem fi Klassi A.
Il-Ħadd li għadda saret l-aħħar attività minn dan il-kampjonat fejn b’kollox ħadu sehem 20 sewwieq maqsuma fi tliet klassijiet. Din l-attività normalment issir biex tagħti ċans lil dawk li marru anqas tajjeb fl-attivitajiet tul dan l-istaġun tant li kull sewwieq għandu d-dritt li jibdel ir-riżultat miksub f’din l-attività ma’ dak li fl-opinjoni tas-sewwieq ikun mar ħażin.
Bernard Sammur fuq Beta rebaħ l-attività ta’ Klassi A segwit minn Mark Mamo fuq Yamaha u Kyle Camilleri fuq KTM. Garry Debono ddomina Klassi B segwit minn Krist Falzon fuq Husqvarna u Daniel Caruana fuq Honda. Il-Klassi tal-Veterani reġgħet intrebħet Carmelo Borg fuq Kawasaki segwit minn Paul Deguara fuq KTM u Anthony Grech fuq Husqvarna.
Il-Ħadd li ġej, l-ASMK torganizza l-għaxar attività tal-istaġun mill-Kampjonat Autocross Pasta Poiatti. Il-programm jibda fl-10.00am fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali.
Intant, il-Ħamis 13 ta’ Ġunju se ssir laqgħa għal dawk interessati li jieħdu sehem fid-Demolition Derby tal-Vannijiet. Il-laqgħa se ssir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u tibda fit-8.00pm. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem, irid ikollhom 18-il sena u liċenzja tas-sewqan.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook ASMK, b’email fuq info@asmk.org.mt jew b’kuntatt fuq 99425489.
//= $special ?>

