Illum pajjiżna qed ifakkar l-ewwel ċentinarju mill-irvellijiet tal-1919 illi kienu ħasdu pajjiż sħiħ, iżda li kienu wkoll punt ta’ tluq sabiex il-poplu jingħaqad, u tibda tissawwar aktar l-identita’ ta’ nazzjon sovran.
Fi Frar 1919 kienet saret l-ewwel laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali mmexxija minn Filippo Sciberras sabiex ifasslu Kostituzzjoni u jgħadduha lill-Gvern Ingliż biex japprovaha.
Fis-7 ta’ Ġunju 1919 kienet qed issir it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali fil-belt Valletta meta folla kbira nġabret il-belt Valletta bħala turija ta’ appoġġ. Il-folla tilfet il-kontroll meta rat li xi ħwienet ħallew il-bandiera Ingliża tittajjar fuq il-bjut. Huma waddbu l-ġebel u attakkaw il-Bibljoteka, l-imħażen ta’ negozjanti tal-qamħ u l-istamperija tal-gazzetta The Daily Malta Chronicle (gazzetta favur l-Ingliżi).
Membri Ingliżi fil-”Union Club” ipprovokaw lill-Maltin billi waddbu soldi qalb il-folla. Meta l-pulizija Maltija ma setgħetx tikkontrolla l-folla, ssejħu s-suldati Ingliżi li sparaw fuq il-folla.
Hawn inqatlu tliet Maltin, Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada u Manwel Attard.
L-għada l-folla telgħet tpoġġi kuruni fil-post fejn inqatlu l-Maltin. Membri tal-Union Club reġgħu pprovokaw lill-Maltin. Il-folla reġgħet saħnet. Din id-darba ħarġu l-marines u qatlu lil Karmenu Abela.
//= $special ?>