Futbol Sport

Franza tibda l-impenji kontra l-Korea ta’ Isfel fil-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa

(Ritratt: EPA)

Il-pressjoni tinsab fuq Franza hekk kif illum tiftaħ l-impenji kontra l-Korea ta’ Isfel, f’dik li hi meqjusa bħala l-aktar Tazza tad-Dinja tan-nisa mistennija. B’kollox se jkun hemm 24 tim maqsuma f’sitt gruppi, bl-ewwel tnejn minn kull grupp u l-aħjar erba’ minn dawk li jkunu spiċċaw fit-tielet post jgħaddu mal-aħħar 16.

Il-Franċiżi li qed jorganizzaw din it-Tazza tad-Dinja, huma meqjusa fost il-favoriti anki minħabba l-fatt li ħafna mill-plejers tagħhom jilagħbu ma’ Olympique Lyon li ftit ġimgħat ilu rebħu ċ-Champions League b’wirja dominanti.

Fost il-plejers l-aktar importanti hemm il-gowlkiper Sarah Bouhaddi meqjusa fost l-aqwa fid-dinja, id-difensur ċentrali Wendie Renard, il-midfielder u captain ta’ Franza Amandine Henri u l-attakkant Eugenie Le Sommer li skorja 74 gowl ma’ Franza.

Il-Korea ta’ Isfel kisbet il-ħames u l-aħħar post Asjatiku fil-play-off iżda għaddew mingħajr ma sofrew gowl. Għalkemm flimkien man-Niġerja jistgħu joħolqu sorpriża, Franza u n-Norveġja huma l-favoriti li jgħaddu minn dan il-grupp.