Lokali

Ingliż imfittex fuq qtil brutali arrestat f’Malta

Christopher Guest More kien kien fuq il-lista tal-iktar imfittxija tal-Ewropa għal omiċidju li kien sar fl-2003

Wara jiem ta’ osservazzjonijiet, f’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Pulizija Maltija u dawk Ingliżi, il-Ħamis saret operazzjoni msejjħa ‘OP MORE’ minn membri mis-sezzjoni tal-Inteliġenza Kriminali, fejn ġie arrestat raġel mir-Renju Unit fuq bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Christopher Guest More kien hawn Malta taħt identità falza, u ser jitressaq fil-jiem li ġejjin sabiex jibda l-proċess ta’ estradizzjoni . L-istess persuna ġie rikjest mill-awtoritajiet Ingliżi, peress kienet involut f’omiċidju.

Sorsi qalu li Christopher Guest More, kien imfittex għall-qtil ta’ raġel f’Cheshire li sar fl-2003. Il-vittma kien Brian Waters li ġie ttorturat u msawwat sal-mewt quddiem iż-żewġt uliedu, li kien mġiegħla jaraw dan ir-reat.

Mill-bidu tas-sena ġew esegwiti 8 Mandati ta’ Arrest Ewropew ġewwa Malta. Dawn l-operazzjonijiet huma ntiżi sabiex persuni maħruba u mfittxija nternazzjonalment jiġu mgħoddija f’idejn l-ġustizzja u sabiex tkompli dejjem tikber u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-organizzazjonijiet kriminali.