“Jien ġej minn familja li ilha sid tal-klabb 96 sena imma f’dawn il-jumejn smajt stejjer mhux sbieħ imma relevanti. Irridu nsibu bilanċ fuq livell Ewropew.” Kliem il-President ta’ Juventus u Chairman tal-European Clubs Association Andrea Agnelli fi tmiem jumejn ta’ diskussjonijiet f’pajjiżna bejn il-membri tal-ECA biex jitfassal il-futur tal-klabbs madwar l-Ewropa.
F’diskors tal-għeluq, Agnelli qal li l-akbar sodisfazzjoni għalih hu li fil-plenarja u l-work shops li saru, id-dubji li kien hemm dwar l-interess veru tad-diskussjoni tneħħa. Hu jemmen ġenwinament li dan hu l-bidu ta’ proċess iżda sostna li għad hemm ħafna xi jrid jiġi diskuss, bil-mira ewlenija tkun is-sena 2024.
“Il-kwistjonijiet ta’ kulħadd iridu jingħaqdu flimkien. Kulħadd irid jieħu pass lura u jara s-sitwazzjoni Ewropea.” Agnelli żied li l-klabbs membri kollha fehmu x’qed jiġi diskuss u saħaq li jrid soluzzjoni li taħdem għal kulħadd, bil-klabbs il-kbar jidħlu fiż-żarbun taż-żgħar u bil-kontra.
Il-President ta’ Juventus qal li f’dan l-istadju bikri qed ifittxu għat-tħassib li jeżisti u għalhekk fadal ħafna x’jiġi diskuss. L-importanti għal Agnelli hu li l-klabbs kollha ġew preżentati bi ħsieb u dawn il-jumejn servew biex tnieda l-proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Viċi Chairman tal-ECA u Kap Eżekuttiv ta’ Ajax Edwin van der Sar tkellem dwar l-aċċess li hemm bżonn biex il-klabbs tat-Tielet Diviżjoni fl-Ewropa, fosthom dawk Maltin, ikollhom iċ-ċans li jduqu l-futbol Ewropew. Hu jemmen li hemm bżonn ta’ aktar futbol Ewropew u żied li hemm klabbs kbar f’kull pajjiż, iżda jekk isir titjib fil-livell ta’ fuq, igawdu t-timijiet ta’ taħthom.
L-eks gowlkiper Olandiż kompla li l-kompetizzjonijiet Ewropej għandhom jintlagħbu bl-aktar klabbs possibbli minn pajjiżi differenti u saħaq li l-flus mill-UEFA għandhom jinfirxu aktar mal-pajjiżi. Għal kuntrarju ta’ dak li qal Agnelli, van der Sar qal li bħal dak li jiġri fil-ħajja, mhux kulħadd se jieħu dak li jixtieq.
Agnelli tenna li dan kollu mhix biċċa xogħol faċli u ddeskriva l-mudell Amerikan bħala dak perfett minħabba l-popolarità u l-investiment f’diversi sport fosthom l-NFL (National Football League) li jattira interess enormi fil-pajjiż.
Għalkemm għadu stadju bikri, fil-preżent teżisti stennija għal dettalji li jistgħu joħorġu minn dawn id-diskussjonijiet, b’Agnelli jgħid li hemm bżonn ukoll paċenzja biex jaraw id-dettalji tad-diskussjonijiet.
Preżenti wkoll fil-konferenza stampa li ġabet fi tmiemha l-Assemblea Ġenerali ż-żewġ Viċi Chairman l-oħra tal-ECA Dariusz Mioduski u Aki Riihlahti flimkien mas-Segretarju Ġenerali Michele Centenaro.
Riihlahti li jmexxi l-akbar klabb fil-Finlandja HJK Helsinki, qal li għalih hu ta’ diżappunt li s-sistema preżenti ma taħdimx għal ħafna pajjiżi u żied li r-riforma ma għandix tkun fuq il-UEFA Champions League, iżda fuq il-livelli l-oħra għaliex sostna li lokalment it-tfal mhux qed jaraw futur li jilagħbu mal-lokal tagħhom. Mioduski tkellem dwar kif kiber id-distakk bejn il-klabbs sinjuri u l-foqra u żied li hemm bżonn kif jiġi assigurat il-parteċipazzjoni ta’ aktar klabbs biex il-futbol jibqa’ relevanti f’aktar pajjiżi.
//= $special ?>