Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq tfal minsija tal-missjoni

Fi tmiem din il-ġimgħa qed issir il-maratona b’risq it-tfal fil-bżonn fil-missjoni organizzata mill-fondazzjoni U.

L-għan tal-fondazzjoni hu li tkun ta’ għajnuna lil dawk li mhumiex ixxurtjati daqs ħaddieħor, b’mod speċjali f’pajjiżi parti mit-tielet dinja.

Żorna l-istudios tal-Fondazzjoni U waqt il-maratona mmexxija mill-qassis Dun Ġwann Farrugia, li hu wkoll kien fost dawk li kienu qed jirrispondu bosta telefonati.

Dun Ġwann spjega kif il-ġurnata tas-Sette Giugno kienet l-għażla perfetta sabiex issir din il-maratona għaliex bl-istess mod li l-Maltin sofrew inġustizzji, dawn it-tfal fil-bżonn qed isofru inġustizzji wkoll.

Fost oħrajn jispikkaw l-istejjer partikolari illi jgħaddu minnhom individwi f’pajjiżi bħalma huma l-Ghana u l-Etjopja, fejn il-maratona titfa’ dawl wkoll fuq it-tbatija li dawn it-tfal jgħaddu minnha.

Il-messaġġ ta’ Dun Ġwann kien ċar fejn irringrazzja lin-nies li kienu qalbhom tajba u sa issa taw kontribut kbir ħafna li se jkun qed jibdel ħajjet dawn it-tfal ta’ taħt fuq.

Tul il-maratona Dun Ġwann ħeġġeġ lin-nies biex ikomplu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex ikomplu jsalvaw ħajjet iżjed nies li m’humiex ixxurtjati daqs dawk li qed jgħixu fil-kumdità ta’ djarhom.

Il-maratona qiegħda tixxandar ukoll fuq NET Television.