Futbol Sport

Ray Farrugia jisħaq fuq l-attitudni pożittiva u l-introduzzjoni taż-żgħażagħ

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

Illum it-tim nazzjonali Malti jkun impenjat fit-tielet logħba tiegħu minn Grupp F mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla. F’konferenza stampa lejliet il-konfront, il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia jinsab konxju mill-potenzjal tal-Iżvezja iżda saħaq li t-tim tiegħu se jidħol għal din il-logħba b’attitudni pożittiva.

Farrugia tenna li irrelevanti mir-riżultat kontra l-Iżvezja, se jżomm mal-ħsieb tiegħu li jintroduċi aktar żgħażagħ fit-tim hekk kif hu jħoss li dan hu mument kruċjali għall-preżent u l-futur tat-tim nazzjonali.

“L-objettiv tagħna mill-ewwel ġurnata kienet li nintroduċu aktar plejers żgħażagħ fit-tim u mhux se nibdluh. Tlifna xi plejers għal dawn il-logħbiet minħabba li huma mweġġgħin imma hemm oħrajn li jistgħu jeħdulhom posthom,” qal Farrugia.

Il-kowċ nazzjonali Malti tkellem ukoll dwar il-ħsieb tal-plejers Maltin fid-dawl li kontra avversarji Skandinavi ma tantx inkisbu riżultati pożittivi. “Ma għadnix nidħlu għal dawn il-logħbiet naħsbu biss li ma nsofrux gowls. Il-mentalità qed tinbidel u rridu nkomplu naħdmu fuqha. Fl-aħħar logħbiet, ħloqna xi okkażjonijiet u skorjajna wkoll.”

Hu kellu kliem ta’ tifħir għal mod kif l-Iżvezja tjiebet fil-pussess tal-ballun filwaqt li huma aktar kompatti. Farrugia kompla li l-plejers tagħhom jaħdmu iebes u jilagħbu għal xulxin u ċertament se tkun logħba diffiċli għat-tim Malti.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza stampa kien hemm il-gowlkiper Henry Bonello. Hu qal li jafu li se tkun logħba diffiċli iżda ilhom jippreparaw għaliha għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat u se jagħmlu li jistgħu biex jiksbu riżultat pożittiv.

Ray Farrugia ta ħjiel li se jkun hemm xi bidliet fil-formazzjoni inizjali. Fl-assenza ta’ Michael Mifsud li jinsab imweġġa’, Andrei Agius mistenni jilbes il-faxxa ta’ captain għall-ewwel darba mill-bidu.

L-Iżvezja għandha erba’ punti fil-grupp wara rebħa ta’ 2-1 kontra r-Rumanija u spiċċaw 3-3 kontra n-Norveġja. It-tim Malti fuq in-naħa l-oħra rebaħ 2-1 kontra l-Gżejjer Faroe u kien megħlub 2-0 minn Spanja.