Lokali

RITRATTI: ‘Issa ma nistgħux nippontaw subgħajna lejn ħaddieħor’ – L-Arċisqof Charles Scicluna

Illum il-ġurnata għandna rajna f’idejna u ma nistgħux nippontaw subgħajna lejn il-kolonja Ingliża. B’hekk ir-responsabbiltà taqa’ fuqna u rridu nimpenjaw ruħna għal soċjetà aktar ġusta.

Hekk qal l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija tal-quddiesa b’suffraġju għall-vittmi tas-Sette Giugno fil-kappella tac-cimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

Minkejja li għandna rajna f’idejna, l-Arċisqof saħaq li ġrajja bħalma hi tas-Sette Giugno tista’ terġa’ sseħħ b’mod simili fil-ġurnata tal-lum. Hu għalhekk li għandna dover li niftakru u nikkomemoraw il-ġrajja tas-Sette Giugno kif jistħoqq.

Hu żied jgħid illi llum il-ġurnata l-poplu Malti m’għadux biss il-poplu li jsofri s-sofferenzi, iżda huwa l-poplu aggressur. Hawn hu għamel referenza għall-każ tal-qtil b’motiv razzist ta’ Lassana Cissè.

Qal ukoll illi mingħajr il-volontà biex iħarsuha l-politiċi, il-kostituzzjoni, li bdiet tiġi żviluppata wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno, hija biss biċċa karta mingħajr użu.

Wara l-quddiesa mill-Arċisqof, Charles Scicluna, mgħejun mill-Arċisqof Emeritu ta’ Malta, Pawlu Cremona kif ukoll mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, mexxa’ tislima lill-vittmi tas-Sette Giugno 1919.

Fost oħrajn ġiet osservata minuta ta’ silenzju qabel sar it-tqegħid tal-kuruni ta’ ward mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela f’isem il-Gvern, minn David Agius, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista f’isem l-Oppożizzjoni, kif ukoll minn xi familjari tal-vittmi tas-Sette Giugno.