Lokali

“Se naħdem iktar u mhux naqta’ qalbi” – Adrian Delia

“Meta jkun hemm diffikultajiet bħal dawn ma nħossx li għandi nistaħba jew naħrab imma nkun man-nies u mal-partit biex naħdem iktar u mhux naqta’ qalbi.”

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien qed jirrispondi l-mistoqsijiet ta’ Peppi Azzopardi waqt il-programm Xarabank.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm modi differenti kif wieħed jerfa’ r-responsabbilta’ tat-telfa fl-aħħar elezzjoni u l-Partit Nazzjonalista żgur ma jiflaħx jgħaddi minn elezzjoni oħra għat-tmexxija tiegħu. Fid-dawl ta’ dan wiegħed li jerfa’ r-responsabbilta’ billi jara x’wassal għat-telfa u jaġixxi fuq dawn in-nuqqasijiet.

Adrian Delia qal li wara l-elezzjoni, diġà tkellem ma’ dawk li kienu kandidati tal-Partit Nazzjonalista imma ma ġewx eletti. Qal li dan il-proċess irid ikun ikompli biex iktar nies joqorbu lejn il-Partit Nazzjonalista.

Spjega li dan hu l-mod kif irid ikompli jsaħħaħ il-Partit Nazzjonalista, billi jinvolvi iktar nies u jkompli jikkonvinċi lil min jiddubitah, li r-rieda tiegħu hi tajba.

Tant hu hekk li mill-ġdid wiegħed ħidma ċara u bla heda kontra l-korruzzjoni, għaliex innota li l-korruzzjoni u l-ħsara li din tagħmel, timpatta lill-poplu Malti u Għawdxi u lil pajjiżna u mhux lil xi partit jew ieħor.

Adrian Delia qal li dan hu importanti għaliex f’pajjiżna għad għandna problemi ta’ xogħol, faqar u kwalità ta’ ħajja li jrid ikompli jiġġieled biex jeqridhom. Biex isir dan, pajjiżna għandu bżonn ukoll lill-Partit Nazzjonalista.

Dan hu proċess li beda immedjatament, tant li l-Kap tal-Oppożizzjoni, immedjatament malli tħabbar ir-riżultat staqsa lilu nnifsu x’seta’ jagħmel differenti jew aħjar.

Beda wkoll proċess biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jimmodernizza lilu nnifsu u jkun iktar effettiv u b’saħħtu.

Dwar kwistjonijiet nazzjonali, Adrian Delia fakkar li pajjiżna għadu sa llum-il ġurnata ma jafx ta’ min hi l-kumpanija Egrant u li l-poplu għandu dritt li jkun jaf. Iżda huma biss nies qrib il-Gvern i għandhom aċċess għar-rapport sħiħ tal-inkjesta.

Fost dawk li ddibattew mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm Franco Debono, li appella lill-Partit Nazzjonalista biex iħares snin lura u jara x’ġie mkisser matul is-snin u jibda jsewwi.

Fi tmiem il-programm appella wkoll lill-eks kunsilliera David Thake u Wayne Hewitt biex huma wkoll jaħdmu miegħu biex jgħaqqdu l-partit biex flimkien jaħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi.