Futbol Sport

Spanja u l-Polonja jibqgħu b’punti massimi fil-gruppi tagħhom

(Ritratt: EPA)

Spanja u l-Polonja komplew jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom hekk kif kisbu t-tielet rebħa minn daqstant logħbiet fil-grupp u kkonsolidaw l-ewwel post fil-grupp rispettiv.

L-Ispanjoli kif mistenni rebħu barra minn darhom kontra l-Gżejjer Faroe 4-1. Il-captain SERGIO RAMOS fetaħ l-iskor wara ħames minuti b’daqqa ta’ ras biex fid-19-il minuta JESUS NAVAS irdoppja b’xutt fil-baxx min-naħa leminija. Il-Gżejjer Faroe daħlet fil-logħba man-nofs siegħa logħob b’KLAEMINT OLSEN jiskorja mill-viċin minn azzjoni ta’ korner, iżda huma kienu sfortunati hekk kif tliet minuti wara sofrew gowl mhux mistenni meta xutt ta’ Isco ħabat mal-wieqfa u ħabat ma’ sieq il-gowlkiper bil-ballun jispiċċa fix-xibka. JOSE GAYA ssiġilla r-rebħa fil-71 minuta bir-raba’ gowl mill-kaxxa l-kbira.

Il-Polonja tħabtet biex għelbet lil Maċedonja ta’ Fuq 1-0. Il-gowl deċiżiv wasal fis-47 minuta meta minn korner kien l-attakkant ta’ Milan KRZYSZTOF PIATEK li mattar siequ u minkejja ma laqatx il-ballun tajjeb, b’xi mod spiċċa fix-xibka hekk kif ħadd ma messu aktar.

L-Irlanda tilfet l-ewwel punti tagħha minn Grupp D bi draw barra minn darha kontra d-Danimarka. Kienu d-Daniżi li kwarta mit-tmiem ħasbu li skorjaw il-gowl tar-rebħa meta PIERRE-EMILE HOEJBJERG daħal fuq il-ġirja biex skorja b’daqqa ta’ ras, iżda l-Irlandiżi salvaw punt fil-85 minuta b’daqqa ta’ ras tad-difensur SHANE DUFFY li daħal tajjeb għal free-kick mil-lemin.

Mill-istess grupp ta’ Malta, in-Norveġja u r-Rumanija spiċċaw fi draw ta’ 2-2 biex b’hekk in-Norveġja baqgħet taħt Malta fil-klassifika. TARIK ELYOUNOUSSI poġġa lit-tim Norveġiż minn fuq meta skorja mill-qrib wara xutt fil-baxx kien imxellef. L-iskor saħansitra sar 2-0 meta f’kontrattakk veloċi MARTIN ÖDEGAARD irdoppja b’xutt fil-baxx. Reazzjoni mir-Rumanija li fis-77 minuta daħlet fil-logħba b’CLAUDIU KESERU jiskorja mill-viċin b’daqqa ta’ ras. Kien fit-92 minuta meta r-Rumeni salvaw il-logħba, bl-istess CLAUDIO KESERU li anki jekk f’pożizzjoni dubjuża ta’ offside, rnexxielu jegħleb lil Sten Michael Grytebust mill-kaxxa ż-żgħira.

Riżultati kollha

Grupp A: Repubblika Ċeka v Bulgarija 2-1, Montenegro v Kosovo 1-1

Grupp B: Litwanja v Lussemburgu 1-1, Ukrajna v Serbja 5-0

Grupp D: Georgia v Ġibiltà 3-0, Danimarka v Irlanda 1-1

Grupp F: Gżejjer Faroe v Spanja 1-4, Norveġja v Rumanija 2-2, Żvezja v Malta 3-0

Grupp Ġ: Awstrija v Slovenja 1-0, Maċedonja ta’ Fuq v Polonja 0-1, Latvja v Iżrael 0-3