Stuart Diacono kien bniedem ta’ qalb kbira, li bil-kwalitajiet pożittivi tiegħu attira madwaru grupp kbir ta’ persuni.
Matul ħajtu, u b’ħidmietu, Stuart irnexxielu jgħaqqad gruppi ta’ persuni minn aspetti differenti tal-ħajja, biex flimkien jagħmlu dak li jħobbu, b’mod speċjali fl-isport.
Kien dan wieħed mill-messaġġi ewlenin fl-omelija waqt l-aħħar tislima lil Stuart Diacono, wiċċ familjari max-xena tal-futsal lokali li fi kliem iċ-ċelebrant kien jikkuntenta ruħu bil-kuntentizza ta’ ħaddieħor.
L-aħħar tislima lil Stuart, li kellu biss 35 sena ingħatat il-Ġimgħa waranofsinhar fil-Knisja Arċipretali u Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar li kienet mimlija b’persuni li matul ħajjithom ħadmu jew qasmu l-esperjenzi tagħhom miegħu.
Sfortunatament hu tilef ħajtu wara li għall-aħħar xhur kien jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei minħabba kumplikazzjonijiet f’saħħtu li eventwalment eskalaw.
L-aħbar ħasdet lid-dilettanti tal-futsal lokali u anke liż-Żabbarin, hekk kif ġriet l-aħbar ta’ mewtu
Kienu mijiet dawk li sellmu l-memorja ta’ Stuart Diacono fuq il-midja soċjali b’diversi posts li jfakkru l-kontribut uniku li hu ta fix-xena sportiva tal-Futsal.
Diacono ddedika ħafna minn ħajtu fl-amministrazzjoni tal-isport u fl-aħħar snin ħadem mal-klabbs tal-futsal ta’ Żabbar St. Patrick, Lija, Valletta kif ukoll it-tim tal-Università ta’ Malta.
Bid-dedikazzjoni u l-ħidma tiegħu, hu ġab lejn pajjiżna fost l-aqwa talenti tal-futsal li qatt ra l-kampjonat lokali, apparti li kkonvinċa diversi plejers tal-futbol biex jibdew esperjenza ġdida fil-futsal.
//= $special ?>