Lokali

Twissija mill-Kurja fuq movimenti tal-Lemin Estrem f’appell kontra l-mibegħda

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, tkellmet dwar id-dmir tal-Kattoliċi li jirreżistu politika ta’ mibegħda u esklużjoni.

Dan wara li rat żieda fl-appoġġ lejn movimenti tal-lemin estrem, li wħud minnhom jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-ħtieġa li tiġi protetta ‘l-identità Kattolika.’

Il-Kummissjoni wissiet li m’hemm l-ebda bażi filosofika u teoloġika simili fit-tradizzjoni Nisranija, anzi għall-kuntrarju, it-tradizzjoni Nisranija għandha narrattiva bbażata fuq is-solidarjetà u l-ospitalità kif ukoll fuq l-umanità u d-dinjità tagħna.

Aktar minn hekk, il-prinċipju tal-ġid komuni, kif maħsub fit-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika, jisfida fundamentalment kultura li tipprijoritizza l-interess personali fuq is-solidarjetà mal-batut u l-imwarrab, jew li jħares biss l-interessi tal-pajjiż fuq l-interess dinji.

L-istorja tgħallimna li “dawk li jibnu l-ħitan jispiċċaw il-priġunieri tal-ħitan li jkunu bnew huma stess,” tiddikjara l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.

Dan waqt li tinnota li fl-aħħar snin, il-Papa Franġisku kien xhieda kontinwa ta’ xi tfisser li tkun Kattoliku u li tħaddan bil-kliem u bl-azzjoni, kultura ta’ laqgħat u solidarjetà li jmorru kontra l-kultura ta’ biża’ u esklużjoni.

Fost oħrajn biż-żjara tiegħu f’Lampedusa u l-vjaġġ lura lejn il-Vatikan ma’ grupp ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil minn Lesbos apparti li ħasel is-saqajn ta’ grupp ta’ rġiel u nisa Musulmani biex b’hekk mexxa bl-eżempju.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tiddikjara li ż-żminijiet tal-lum jitolbu, b’urġenza kbira, għal difiża qawwija tal-identità Kattolika tagħna … identità li għexet f’reżistenza kreattiva, leali u mimlija tama b’għeruqha fl-imħabba.

Tappella biex il-Kristjani jirreżistu din in-narrattiva dominanti ta’ esklużjoni u biża’, u minflok jimmaġinaw u jaħdmu għal futur mibni fuq il-ġustizzja, l-imħabba, is-solidarjetà u l-ftuħ.

Li tipprova tibni identità nazzjonali, wisq aktar identità Kattolika, fuq biża’, esklużjoni u mibegħda, hu tradiment vili tal-Evanġelju,” tistqarr il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.