Sport Sport Ieħor

Ashleigh Barty tirbaħ l-ewwel Grand Slam fil-karriera

(Ritratt: EPA)

L-Awstraljana Ashleigh Barty rebħet l-ewwel Grand Slam fil-karriera tagħha meta għelbet lil Marketa Vondrousova fil-finali tal-Open ta’ Franza. Is-sid numru tmienja rebħet 6-1, 6-3 kontra ż-żagħżugħa ta’ 19-il sena.

Wara l-logħba, Barty stqarret li kienet bla kliem u qalet li kważi lagħbet logħba perfetta. Hi żiedet li hu post speċjali għat-tennisti Awstraljani u tinsab kburija b’dak li rnexxielha tikseb.

Barty li għandha 23 sena, irtirat mit-tennis biex lagħbet il-cricket professjonali fl-2014 iżda rritorna fl-isport 17-il xahar wara. B’dan is-suċċess, Barty saret l-ewwel Awstraljana li rebħet titlu individwali fl-Open ta’ Franza minn żmien Margaret Court fl-1973.

Meta tiġi aġġornata l-klassifika, Ashleigh Barty se titla’ fit-tieni post fir-rankings tad-dinja, l-ogħla pożizzjoni għal tennista Awstraljana minn Evonne Goolagong f’Diċembru tal-1976. Fuq in-naħa l-oħra, Vondrousova se titla’ mit-38 post għal mal-aqwa 20 fid-dinja għall-ewwel darba.