Sport Sport Ieħor

Djokovic eliminat minn Thiem fis-semifinali tal-Open ta’ Franza

(Ritratt: EPA)

It-tentattiv tas-sid numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic li jkollu l-erba’ titli ta’ Grand Slam fl-istess ħin tar mar-riħ wara li kien megħlub minn Dominic Thiem fis-semifinali tal-Open ta’ Franza. Thiem għeleb lit-tennist ta’ 32 sena 6-2, 3-6, 7-5, 5-7, 7-5, f’logħba li bdiet ilbieraħ iżda twaqqfet tliet darbiet minħabba x-xita.

Is-sid numru erbgħa jilgħab kontra l-11-il darba rebbieħ Rafael Nadal fil-finali ta’ għada, f’dik li hi ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra. Thiem li għandu 25 sena, hu l-ewwel Astrijak li wasal sa finali ta’ Grand Slam għat-tieni darba filwaqt li għalih din kienet l-ewwel rebħa kontra avversarju li kien fil-quċċata tar-rankings.

Il-konfront tħassar darba lbieraħ minħabba r-riħ u x-xita, deċiżjoni li kienet kritikata mill-eks plejers u l-ġurnalisti. Il-fatt li l-logħba tkompliet illum wara nofsinhar, se jkun ta’ detriment fiżikament għal Thiem, speċjalment minħabba l-fatt li l-logħba bejn Nadal u Federer intlagħbet mingħajr waqfien ilbieraħ.

Għal Djokovic rebbieħ tal-Open ta’ Franza fl-2016, intemmet is-sensiela ta’ 26 rebħa konsekuttiva fi Grand Slam, kif ukoll it-tama li jsir l-ewwel tennist li jkollu l-erba’ titli ta’ Grand Slam fl-istess ħin f’żewġ okkażjonijiet.