Futbol Sport

Iċ-champions tad-dinja Franza maħsuda mit-Turkija

(Ritratt: EPA)
Rebħiet għall-Italja, il-Kroazja, il-Ġermanja u l-Belġju

It-Turkija żammet il-bidu perfett fi Grupp H b’rebħa importanti ta’ 2-0 kontra ċ-champions tad-dinja Franza fit-Torku Arena. KAAN AYHAN fetaħ l-iskor wara nofs siegħa logħob b’daqqa ta’ ras biex CENGIZ UNDER irdoppja l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima bi ġmiel ta’ xutt mill-kaxxa l-kbira. It-Torok kienu l-aħjar tim tul il-logħba, b’Franza rari jkunu perikolużi fl-attakk tant li għall-ewwel darba f’għaxar snin il-Franċiżi ma kellhomx xutt fil-lasta. Il-Franċiżi jippruvaw jirkupraw minn dan ir-riżultat diżappuntanti kontra l-Andorra filwaqt li t-Turkija jippruvaw jagħmluhom erbgħa minn erbgħa b’konfront barra minn darhom kontra l-Iżlanda.

Ikompli l-perjodu pożittiv tat-tim nazzjonali Taljan b’rebħa f’Ateni ta’ 3-0 kontra l-Greċja. Huma baqgħu b’punti massimi fi Grupp J filwaqt li ilhom sitt logħbiet ma jsofru gowl. NICOLO BARELLA fetaħ l-iskor fit-23 minuta meta kompla għal ġewwa minn pożizzjoni tajba wara kross tajjeb mix-xellug ta’ Andrea Belotti. L-iskor sar 2-0 man-nofs siegħa logħob meta kien LORENZO INSIGNE li daħal fil-kaxxa u b’xutt meqjus u preċiż skorja għar-rokna, biex LEONARDO BONUCCI għamilhom tlieta tliet minuti wara b’daqqa ta’ ras sabiħa wara kross ta’ Emerson Palmieri.

Il-Kroazja kisbet rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Wales. Huma fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta kross fil-baxx ta’ Ivan Perisic indirizzat lejn Andrej Kramaric kien imxellef minn James Lawrence u spiċċa fix-xibka. Huma rduppjaw fis-47 minuta meta Wayne Hennessey salva parzjalment xutt fil-baxx wara azzjoni tajba ta’ Josip Brekalo, bil-ballun jispiċċa għand IVAN PERISIC li minn pożizzjoni ċentrali skorja b’xutt fil-baxx. Wales naqqset id-distakk fis-77 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ DAVID BROOKS li kien imxellef.

Minn Grupp Ċ, il-Ġermanja kisbet it-tieni rebħa minn żewġ logħbiet din id-darba b’rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom kontra l-Belarus. LEROY SANE fetaħ l-iskor wara 12-il minuta meta rċieva ballun fil-kaxxa, ġibed għan-nofs u skorja b’xutt minn pożizzjoni ideali. MARCO REUS irdoppja fit-62 minuta meta rċieva passaġġ intelliġenti mil-lemin u fuq il-ġirja ġab lilu nnifsu quddiem il-lasta fejn ma żbaljax.

Rebħa wkoll għat-tim Belġjan fi Grupp I ta’ 3-0 kontra l-Każakistan. DRIES MERTENS fetaħ l-iskor fl-14-il minuta meta rċieva mil-lemin mingħand il-captain Eden Hazard u skorja b’xutt li kien imxellef. Tliet minuti wara l-plejer ta’ Atalanta TIMOTHY CASTAGNE rdoppja b’daqqa ta’ ras wara kross mix-xellug. ROMELU LUKAKU għalaq il-logħba fil-50 minuta bit-tielet gowl hekk kif skorja mir-rebound wara li xutt ta’ Mertens ħabat mal-wieqfa.

Riżultati kollha

Grupp Ċ: Estonja v Irlanda ta’ Fuq 1-2, Belarus v Ġermanja 0-2

Grupp E: Kroazja v Wales 2-1, Ażerbajġan v Ungerija 1-3

Grupp H: Iżlanda v Albanija 1-0, Moldova v Andorra 1-0, Turkija v Franza 2-0

Grupp I: Russja v San Marino 9-0, Belġju v Każakistan 3-0, Skozja v Ċipru 2-1

Grupp J: Armenja v Liechtenstein 3-0, Finlandja v Bożnija 2-0, Greċja v Italja 0-3