L-Avukat Għawdxi Kevin Cutajar ġie magħżiul b’mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jimla’ l-post vakat ta’ David Stellini fil-Parlament.
Matul il-laqgħa, hu ngħata akklamazzjoni mill-membri kollha preżenti hekk kif issa se jibda l-ħidma tiegħu fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
F’kumment lill-media fi tmiem il-laqgħa, Kevin Cutajar esprima sodisfazzjon li ngħata l-privileġġ iservi għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Partikolarament għall-mod kif il-Partit Nazzjonalista laqa’ fil-Grupp Parlamentari tiegħu lil persuna b’diżabbiltà.
Filwaqt li qal li dan mhux punt tal-wasla, iżda punt tat-tluq, Kevin Cutajar kompla li l-Partit Nazzjonalista għamel sew għax is-siġġu tal-Għawdxin baqa’ għand l-Għawdxin.
Min-naħa l-oħra, faħħar l-imġiba tal-Għawdxin kollha, li ngħaqdu quddiem sitwazzjoni bħal din. Appella lill-Għawdxin biex, bl-istess mod, jingħaqdu fl-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan il-proċess ma ħalliex telliefa jew rebbieħa, iżda tagħlimiet biex il-Partit jiddjaloga aktar. Hu rringrazzja lil Kevin Cutajar li bl-abbiltajiet tiegħu beda jġib l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia kompla li s-sena d-dieħla jitfakkar il-140 anniversarju mit-twelid tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk, irid iwieġeb il-mistoqsija jekk hux se jkun 140 sena anzjan jew 140 sena żagħżugħ.
U issa li mtela’ s-siġġu vakat minn David Stellini, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid jara li kull Kelliem tal-Oppożizzjoni jkollu tim ta’ nies li, flimkien mad-Deputat, jaħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi kollu għax s’issa għad hemm żbilanċ kbir fir-riżorsi tal-Gvern u r-riżorsi tal-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija, il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista awgura lil Kevin Cutajar li, minkejja d-diżabbiltà tiegħu dejjem ħares ’il quddiem u stinka biex jgħix ħajja indipendenti, tant li saħansitra offra lilu nnifsu biex ikun ta’ servizz għall-poplu.
L-Forum qal li l-elezzjoni ta’ Kevin Cutajar twassal messaġġ tajjeb ta’ inklussività, filwaqt li hi opportunità għal kull Malti u Għawdxi ħalli l-istituzzjonijiet ikunu dejjem aktar aċċessibbli u attrezzati għall-bżonnijiet differenti biex kull individwu jilħaq il-milja tiegħu.
U min-naħa tiegħu, il-Kulleġġ tal-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista wkoll awgura lil Kevin Cutajar, filwaqt li qal li din l-għażla tibgħat messaġġ b’saħħtu għal kulmin jixtieq jidħol fil-politika.
Minkejja kollox, ħadd ma għandu għax jaqta’ qalbu, bil-Kulleġġ jemmen ukoll li l-Partit Nazzjonalista għandu jibda jipprepara lill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
