Lokali Saħħa

L-ebda żvilupp fil-kwistjoni tad-Dipartiment tal-Fiżjoterapija għax ta’ Steward għadhom m’għamlu xejn

Minkejja li d-direttivi tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) għadhom fis-seħħ, Steward Healthcare għadha qed titlob aktar żmien qabel ma tkun tista’ mqar tippreżenta l-proposti għal tkabbir fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa.

Id-direttivi, li daħlu fis-seħħ ix-xahar li għadda, kienu ordnati mill-MUMN wara li l-kumpanija privata li qed tmexxi l-isptar pubbliku baqgħet ma laħqet l-ebda mill-ħames perjodi stabbiliti u miftehma biex twettaq dan it-tkabbir.

Mal-ġurnal, il-President tal-MUMN Paul Pace qal li s-sitwazzjoni hi surreali kif ġimgħat wara li d-direttivi daħlu fis-seħħ, ta’ Steward baqgħu jitolbu għal aktar żmien. U dan meta d-direttivi huma meqjusa bħala fost l-aktar iebsa li qatt setgħu joħorġu bihom.

Il-kumpanija privata, li d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa qal li hi “The Real Deal”, ilha twiegħed li tippreżenta masterplan sa minn meta waslet f’pajjiżna, madwar sena u nofs ilu.

Iżda minkejja l-pressjoni li qed issirilha, sostna Paul Pace, it-tmexxija ta’ Steward Healthcare baqgħet ma għamlet xejn. Dan meta l-Union kienet qed tikkunsidra li tiggrava l-azzjonijiet qabel ma waqfet milli tagħmel dan biex ma ssirx aktar ħsara lill-pazjenti.