Formula 1 Sport

L-ewwel pole position tal-istaġun għal Vettel

(Ritratt: EPA)

Sebastian Vettel kiseb is-56 pole position fil-karriera tiegħu meta bi prestazzjoni mill-aqwa fl-aħħar attentat tiegħu fit-tielet fażi għeleb lil Lewis Hamilton. Dan ir-riżultat kien tant bżonnjuż għal Ferrari wara bidu diżappuntanti, b’Vettel jikser ir-rekord personali tiegħu fiċ-ċirkwit ta’ Montreal u kiseb l-ewwel pole position mill-Grand Prix tal-Ġermanja tas-sena l-oħra.

F’kummenti wara l-provi uffiċjali, Vettel qal li jixtieq jerġa’ jagħmel dik id-dawra għal darba oħra kemm jieħu pjaċir. Hamilton kien viċin pole position oħra iżda għamel żball żgħir fl-aħħar settur.

Charles Leclerc se jibda l-Grand Prix tal-Kanada mit-tielet post iżda spiċċa aktar minn nofs sekonda wara Vettel, b’Valtteri Bottas tal-Mercedes se jkollu jibda mis-sitt post wara li għamel xi żbalji fiż-żewġ dawriet tiegħu fl-aħħar fażi. Daniel Ricciardo kiseb riżultat mill-aqwa fir-raba’ post għal Renault qabel Pierre Gasly tar-Red Bull, inċidentalment is-sewwieq li mela l-vojt tiegħu.

Diżappunt għal Max Verstappen li kien eliminat fit-tieni fażi wara li naqas jagħmel ħin fuq it-tyres soft. Oriġinarjament hu beda mit-tyres medium hekk kif Red Bull kienu qed isegwu l-istess strateġija ta’ Mercedes u Ferrari. Hu kien riesaq lejn ħin tajjeb u kwalifikazzjoni komda, qabel Kevin Magnussen ħabat fil-famuż Wall of Champions fl-aħħar kantuniera u ħabat mal-ħajt tax-xellug, b’konsegwenza li twaqqfet il-kwalifikazzjoni.