Mauro Anastasi rebaħ it-tielet kampjonat konsekuttiv filwaqt li Sue Abela kisbet it-titlu li tilfet is-sena l-oħra. B’dan is-suċċess, Anastasi sar l-ewwel raġel Malti li rebaħ il-kampjonat ħames darbiet. Mauro Anastasi u Sue Abela jirrappreżentaw lil Malta fit-Tazza taċ-Champions Ewropea fit-Turkija fl-aħħar ta’ Ottubru.
Anastasi beda t-tielet ġurnata fit-tielet wara Miguel Xuereb u Mark Spiteri, iżda tela’ fil-quċċata wara li spiċċa tliet logħbiet b’riżultati ta’ 234, 257 u 227 punt. Mark Spiteri prova jżomm il-livell iżda Xuereb inqata’ mit-taqtigħa.
Minn hemm, Anastasi baqa’ għaddej u żamm lil Spiteri distakkat biex wara 243 punt fil-logħba ta’ qabel tal-aħħar, Spiteri ċeda u kellu jikkuntenta bit-tieni post. Dennis Mercieca għeleb l-isfida taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena Matthew Magro b’sitt pins biss wara double fl-aħħar frame tal-logħba.
Fil-kategorija tan-nisa, Sue Abela kellha distakk sinifikanti fil-bidu tal-aħħar ġurnata, b’246 punt fl-ewwel logħba kontra l-184 punt ta’ Cynthia Frendo Duca. Il-veterana spiċċat rebħet b’distakk ta’ aktar minn 200 pin, b’medja ta’ 216 fl-aħħar ġurnata. Frendo Duca temmet it-tieni wara t-taqtigħa sal-aħħar ma’ Tiziana Carannante.
//= $special ?>