Futbol Sport

Rebħiet għal Spanja, in-Norveġja u l-Ġermanja fit-Tazza tad-Dinja

(Ritratt: EPA)

Żewġ penalties ta’ Jennifer Hermoso kienu determinanti biex Spanja dawret telfa f’rebħa u għelbet lid-debuttanti l-Afrika ta’ Isfel 3-1. Il-plejer ta’ Atletico Madrid skorjat iż-żewġ penalties fis-70 u t-83 minuta, bit-tieni penalty jingħata wara deċiżjoni bil-VAR għal daħla ta’ Nothando Vilakazi li spiċċat biex irċeviet it-tieni karta safra wkoll. Thembi Kgatlana kienet poġġiet lill-Afrika ta’ Isfel minn fuq wara 25 minuta. Wara ż-żewġ penalties ta’ Hermoso, Spanja skorjat it-tielet gowl fid-89 minuta b’passaġġ vertikali minn pożizzjoni ċentrali, b’Lucia Garcia taqbeż lill-gowlkiper u skorjat f’lasta vojta.

In-Norveġja skorjat tliet gowls fl-ewwel taqsima li wittew it-triq għal rebħa faċli ta’ 3-0 fuq in-Niġerja fl-ewwel logħba tagħhom. Iċ-champions tad-dinja tal-1995 marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta meta xutt ta’ Guro Reiten ġie mxellef minn Onome Ebi. Lisa-Marie Utland irduppjat fl-34 minuta b’xutt li għadda minn bejn idejn il-gowlkiper Tochukwu Oluehi qabel awto-gowl ta’ Osinachi Ohale tliet minuti wara għamel l-iskor 3-0. B’hekk in-Norveġiżi wieġbu għar-rebħa ta’ Franza l-Ġimgħa filgħaxija hekk kif huma l-favoriti li jgħaddu minn Grupp A. In-Niġerja ftit ħolqot periklu għall-gowlkiper Norveġiża ta’ 39 sena Ingrid Hjelmseth u f’lejla negattiva għaċ-champions Afrikani, id-difensur Faith Michael kellha toħroġ mill-pitch fuq stretcher wara inċident ma’ Oluehi.

Iż-żagħżugħa Giulia Gwinn skorjaw fl-ewwel logħba kompetittiva mal-Ġermanja hekk kif huma bdew it-Tazza tad-Dinja fuq nota pożittiva b’rebħa minima fuq iċ-Ċina. Il-Ġermaniżi kienu frustrati għal ħafna ħinijiet f’logħba li ntlagħbet f’Rennes. Yang Li laqtet il-lasta għaċ-Ċina wara li Carolin Simon kienet laqtet il-mimduda. Gwinn li għad għandha 19-il sena, skorjat il-gowl tar-rebħa fis-66 minuta b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li għadda qalb id-difensuri Ċiniżi.

Riżultati kollha

Grupp A: Norveġja v Niġerja 3-0

Grupp B: Ġermanja v Ċina 1-0, Spanja v Afrika ta’ Isfel 3-1

Logħob li jmiss

Grupp Ċ: Awstralja v Italja 1.00pm, Brażil v Ġamajka 3.30pm

Grupp D: Ingilterra v Skozja 6.00pm