Il-Montenegro keċċew lill-kowċ nazzjonali Ljubisa Tumbakovic wara li rrifjuta li jmexxi lit-tim għall-partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew kontra l-Kosovo. Tumbakovic li hu mis-Serbja, jidher li kellu pressjoni mill-awtoritajiet Serbi f’Belgrad li ma tirrikonoxxix l-indipendenza tal-Kosovo. Il-plejers li twieldu fis-Serbja Filip Stojkovic u Mirko Ivanic ukoll ma lagħbux.
Il-Federazzjoni tal-Montenegro sejħet id-deċiżjoni ta’ Tumbakovic bħala deċiżjoni li ma niżlitx tajjeb. Il-logħba li ntlagħbet ilbieraħ filgħaxija f’Podgorica ntemmet 1-1 u bil-bibien magħluqa minħabba li f’Marzu li għadda kien hemm kant razzjali lejn il-partitarji Ingliżi.
Tumbakovic li rebaħ sitt kampjonati u tliet kompetizzjonijiet domestiċi ma’ Partizan Belgrade, kien ilu kowċ nazzjonali tal-Montenegro minn Jannar tal-2016. Id-deċiżjoni meħuda mill-bord eżekuttiv tal-federazzjoni kienet unanima. L-istqarrija tal-federazzjoni qalet li affarijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-isport għelbu l-isport u l-futbol f’din l-okkażjoni.
Il-popolazzjoni tal-Kosovo hi magħmula minn 90% Albaniżi u ġiet dikjarata indipendenti mis-Serbja fl-2008. Flimkien mas-Serbja, numru ta’ pajjiżi oħra fosthom iċ-Ċina, ir-Russja u ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea rrifjutaw li jirrikonoxxu l-Kosovo bħala nazzjoni indipendenti.
//= $special ?>