Lokali

Flimkien nimxu ‘l quddiem bi strutturi b’saħħithom, b’attitudni u rieda li nirbħu

“Flimkien kapaċi u nistgħu nimxu ‘l quddiem, bi strutturi b’saħħithom li jwasslu l-vuċi tan-nies u bl-attiduni u r-rieda li nirbħu.” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Dr Delia qal li l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista se jissaħħu sabiex b’mod effettiv iressqu l-proposti, ssir id-diskussjoni u bl-aħjar mod iġibu ‘l quddiem il-politika tan-nies. Dan biex il-PN jissaħħaħ u jkun oppożizzjoni propożittiva. Huwa qal li kull ġimgħa se jiltaqa’ mat-tesserati tal-partit f’kull distrett sabiex jismagħhom, jara fejn jista’ jsir titjib u fejn kulħadd jista’ jikkontribwixxi.

Huwa qal li se jkun qed jiltaqa’ wkoll mal-fergħat tal-partit li ressqu rakkomandazzjonijiet, filwaqt stieden lil kull min għandu kritika biex jersaq mal-mejda tad-diskussjoni. Adrian Delia awgura lil Kevin Cutajar, li l-Kumitat Eżekuttiv għażel unanimament biex jiġi co-opted fil-Parlament. Huwa qal li jħares lejn Kevin Cutajar mhux bħala persuna b’diżabilità imma b’ħafna abbiltajiet. Dr Delia qal li se jibqa’ jitkellem mal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex biex jisma’ lill-Għawdxin u jwettaq dak li jixtiequ għall-gżira tagħhom. 

Dr Delia tkellem dwar l-inċident fil-Mellieħa u esprima s-solidarjetà mal-persuni involuti. Huwa qal li f’dan il-każ partikolari hemm l-awtoritajiet li qegħdin jinvestigaw, u filwaqt li l-Oppożizzjoni mhix kontra l-kostruzzjoni, l-iżvilupp għandu jsir bi pjan, b’sostenibbilità u b’sistema ta’ checks and balances.

Dan biex ma nibqgħux nistennew li jseħħu inċidenti sfortunati oħra biex jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn. Huwa qal li fejn ikun hemm l-iżvilupp irid jiġi assigurat li jkun hemm dak kollu meħtieġ sabiex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-ambjent se jkun fiċ-ċentru tal-politika tal-PN.

Dan meta pajjizna għandu fost l-għola tniġġis fl-arja fl-Ewropa u l-istatistika turi li 600 persuna jmutu kull sena minħabba mard respiratorju. Huwa qal li jeħtieġ li f’pajjiżna jkollna sistema serja ta’ trasport tal-massa li ma tniġġisx u li tkun parti minn ekonomija ċirkolari biex l-ambjent ikun verament fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.

Adrian Delia qal li jeħtieġ investiment qawwi fl-enerġija alternattiva u l-PN se jkun qed juri li għandu s-soluzzjonijiet, u li se jagħti prijorità lill-ambjent biex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.