Lokali

Aktar tħassib: Titkellem l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ukoll esprimiet it-tħassib tagħha wara li f’inqas minn 8 ġimgħat, reġa’ kien hemm inċident ieħor li seta’ kien fatali, meta s-Sibt iġġarrfet binja maġenb sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa.

Is-sitwazzjoni kienet meqjusa waħda ta’ livell għoli fejn tidħol emerġenza, tant li ġew mobilizzati l-forzi kollha. Il-Pulizija evakwaw ukoll il-binjiet li hemm fil-viċin fl-istess waqt li anzjana kellha tiġi evakwata.

L-Assocjazzjoni Kunsilli Lokali qalet li mhux l-ewwel darba li l-Kunsilli Lokali rrappurtaw abbuż jew irregolarità u ma ngħatawx widen minn ċertu entitajiet fil-qasam.

Fi istqarrija, l-istess Assoċjazzjoni tenniet li minkejja li huwa primatur li wieħed jasal għal konklużjonijiet, l-Assoċjazzjoni qalet li jidher ċar li d-drittijiet tat- terzi mhux ikunu mħarsa biżżejjed.

Hija qalet li teżisti sitwazzjoni fejn m’ hemmx kordinament biżżejjed bejn l-entitajiet konċernati, dwar l-infurzar li hemm bżonn isir u lanqas m’ hemm għarfien biżżejjed fejn wieħed għandu jirrapporta meta hemm l-irregolaritajiet jew abbużi.

Din l-istqarrija ssegwi dawk maħruġa fil-jum tal-inċident mill-Kamra tal-Periti u l-Kamra tal-Kummerċ b’dikjarazzjonijiet iebsa u kważi identiċi.

Il-kamra tal-Kummerċ qalet li fid-dawl ta’ dawn l-inċidenti għandhom jintrefgħu r-responsabbilitajiet filwaqt li d-drittijiet tal-vittmi għandhom jiġu mħarsa.

Kelliema għall-Kamra saħqu li l-medjokrità u xogħol mhux ta’ livell mistenni għandhom jiġu mibdula f’kultura ta’ eċċellenza.

Min-naħa tagħha l-Kamra tal-Periti ddeskriviet is-sitwazzjoni preżenti bħala waħda ta’ “kaos fl-industrija tal-kostruzzjoni”

Il-Periti fakkru li ilhom isejħu ghal tibdil mill-qiegh fis-sistema regolatorja ghal dawn l-aħħar snin, izda sal-lum ghadu ma sar xejn.

Dan waqt li l-Corriere di Malta, sit bit-Taljan dwar l-aħbarjiet f’Malta ddikjara li bħalissa pajjiżna għandu saqajn tat-tafal f’dak li għandu x’jaqsam mal-kostruzzjoni. Sadattant, wara l-inċident, l-iżviluppatur iddkjara li ma jafx x’ikkawża dan iżda qal li l-prewkazjonijiet kollha kienu ttieħdu meta sar l-iskavar f’Jannar li għadda.