Fid-dagħdigħa li tal-Labour għandhom bħalissa fejn jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom u li huma ‘l fuq mil-Liġi, il-Partit Laburista mhux jiddejjaq jagħmel gwadann finanzjarju kbir minn fuq il-billboards li kellu ma’ Malta u Għawdex b’rabta mal-elezzjonijiet tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali.
Il-Liġi tistabbilixxi li l-Partit jistgħu jtellgħu billboards kemm iridu, naturalment bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, u dan biex ikunu jistgħu jwasslu l-messaġġi tagħhom b’rabta mal-kampanja elettorali li jkunu qed jagħmlu.
Imma darba l-kampanja elettorali tkun għaddiet, allura dawk il-billboards kollha jridu jkunu żarmati mill-ġdid u mdaħħla fl-imħażen rispettivi tagħhom.
Kollox jindika li l-Partit Laburista din id-darba ġie jaqa’ u jqum minn din il-liġi, u ħalla l-billboards fit-toroq u qiegħed jikri l-ispazju tagħhom għal skop ta’ reklamar kummerċjali.
Dan qed isir bi ksur sfaċċat tal-Liġi hekk kif il-Partit Laburista qed japprofitta ruħu billi jdawwar lira favur tiegħu d-dħul tal-kirjiet li qed jagħmel. Dan ifisser li jekk fil-pajjiż il-Partit Laburista kellu sebgħin billboard li issa qed jikrihom lill-privat għal €500 kull spazju, allura f’ċirku ta’ kirjiet il-Partit Laburista jkun qed idaħħal mal-€35,000.
Dan jikkontrasta ħafna ma’ dak li għamel il-Partit Nazzjonalista fejn wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li għadda beda jżarma l-billboards mit-toroq kif tistipula l-liġi.
//= $special ?>