Fid-dawl tat-tiġrif tal-binja l-Mellieħa li seħħ is-Sibt filgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat, irreaġixxa billi tefa’ t-tort kollu fuq il-periti u l-kuntratturi Maltin.
Minkejja li suppost hemm sistemi ta’ regolamentazzjoni u infurzar min-naħa tal-Gvern, Joseph Muscat qiegħed ifarfar kull responsabbiltà billi jwaħħal kompletament fil-periti u l-kuntratturi li għandhom warrants apposta biex jassiguraw li dawn l-inċidenti ma jsirux.
Min-naħa tagħha l-Kamra tal-Periti, fi stqarrija s-Sibt waranofsinhar saħqet illi ilha ssejjaħ għal tibdil mill-qiegħ tas-sistema regolatorja, iżda l-Gvern Laburista baqa’ m’aġixxiex. U fi ftit xhur kellna inċidenti bħal dawn li biċ-ċar huwa sintomu dirett tal-kaos li qed jirrenja fl-industrija tal-kostruzzjoni, bl-ebda pjan infrastrutturali min-naħa tal-Gvern.
Fl-intervista tiegħu fuq ONE Radio, il-Prim Ministru għamel referenza għal siltiet mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, iżda baqa’ ma ndirizzax sezzjonijiet sħaħ illi jitfgħu dawl fuq l-isfreġju ambjentali f’pajjiżna, fejn l-Unjoni Ewropea tisħaq li t-traffiku huwa fost l-ikbar kawżi tat-tniġġis fl-arja.
Minkejja li bosta nies qed jistaqsu, Muscat reġa’ għal darb’oħra ma qalx lil min se jkun qed jaħtar bħala Kummissarju f’isem pajjiżna fil-Kummissjoni Ewropea minflok Karmenu Vella għat-terminu ta’ 5 snin li jmiss.
//= $special ?>