Lokali

“Kull ħajja hija prezzjuża” – Mijiet ta’ tobba jappellaw biex nagħzlu l-ħajja

Kważi 700 tabib u tabiba ffirmaw din id-dikjarazzjoni

“Kull ħajja hija prezzjuza.” Hekk jaqblu mijiet ta’ tobba f’Malta hekk kif bit-tnedija tal-grupp “Tobba Favur il-Ħajja” (Doctors for Life – Malta) qed jimpenjaw ruħhom biex jgħarrfu lill-pubbliku Malti dwar il-veritajiet xjentifiċi fuq il-ħajja qabel it-twelid.

Għal dan il-għan, iktar minn 670 tabib u tabiba ffirmaw dikjarazzjoni, fejn fiha stqarrew li permezz tal-proċess ta’ fertilizzazzjoni, tkun qed tifforma ħajja ġdida, li għandha identità ġenetika kompluta u unika, u li hi distinta minn dik tal-ġenituri tagħha. Id-dikjarazzjoni tistqarr ukoll li kull ħajja umana għandha titħalla tilħaq il-milja tagħha sakemm titwieled, jew sakemm iċ-ċirkostanzi naturali jwasslu għat-telfien tagħha. Jirrikonoxxu iżda,li f’ċerti sitwazzjonijiet straordinarji, interventi mediċi intenzjonati biex isalvaw il-ħajja tal-omm jistgħu jwasslu għat-telf tat-tarbija.

Minn dawn is-670 tabib u tabiba, il-maġġoranza tagħhom għażlu li isimhom jixxandar b’mod pubbliku biex ikomplu juru l-konvinzjoni tagħhom fid-difiża tal-ħajja umana.

Jingħaqdu kontra d-diskriminazzjoni

Il-grupp isostni li kull ħajja umana tixirqilha tgħix ħajja ta’ dinjità, mingħajr distinzjoni. Il-grupp jiċħad b’mod kategoriku kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra l-ulied fil-ġuf, kemm fuq bażi ta’ ġeneru, stadju ta’ żvilupp jew diżabbiltà.

Jingħaqdu għad-difiża tal-omm u t-tarbija fil-ġuf

It-tobba tennew li l-għan aħħari tagħhom huwa li jiddefendu d-dinjita’ tal-omm u t-tarbija fil-ġuf, għax it-tnejn jixirqilhom hekk. L-istqarrija ttenni tgħid li din il-pożizzjoni mhix xi waħda astratta jew teoretika, imma li t-tobba kollha jgħixuha f’ħidmiethom ta’ kuljum, bl-interventi li jagħmlu fuq il-pazjenti fl-isptarijiet, il-kliniċi u fid-djar tagħhom. F’dan kollu, it-tobba jiddedikaw l-enerġija u l-għarfien tagħhom biex il-ħajja umana tkun salvata u protetta.

Jingħaqdu biex itennu li kull ħajja hi prezzjuża

Il-missjoni favur il-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma tat-tobba, u tidher bis-sħiħ meta jagħmlu kull sforz biex isalvaw il-ħajja tal-iċken tarbija mwielda kmieni. Għaldaqstant, konvinti li kull ħajja hija prezzjuża, dawn it-tobba jiddikjaraw bi sħiħ il-pożizzjoni tagħhom favur il-ħajja u kontra l-abort.