Formula 1 Sport

Ferrari mistennija jappellaw il-penalità ta’ Vettel

(Ritratt: EPA)

Ferrari kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jipprotestaw id-deċiżjoni tal-istewards tal-Grand Prix tal-Kanada wara li Sebastian Vettel ingħata penalità ta’ ħames sekondi li kienu determinanti biex Lewis Hamilton rebaħ it-tellieqa. Ir-Regolamenti Sportivi tal-Formula 1 jgħidu li l-appelli ma jistgħux isiru dwar penalità ta’ ħin, iżda bdiet tinxtered spekulazzjoni li jekk ikun hemm evidenza ġdida dwar l-inċident, jista’ jkun hemm diskussjoni fuq id-deċiżjoni, jekk l-istewards jaqblu.

Vettel ingħata penalità ta’ ħames sekondi wara li ġie ġġudikat li sforza lil Lewis Hamilton barra ċ-ċirkwit, konsegweza li fit-tielet kantuniers tilef il-kontroll tal-karozza. Id-deċiżjoni tal-istewards kienet li Vettel ma kienx sigur kemm għalih kif ukoll għal Hamilton.

Minkejja li qasam il-linja finali l-ewwel, Vettel temm it-tieni minħabba l-penalità u wara l-Grand Prix kien irrabjat ferm fejn ma pparkjax il-karozza fejn suppost u ħa dawra twila biex jevita lil xi nies. Qabel daħal ġewwa bi preparazzjoni għall-preżentazzjoni tat-trofej, Vettel saħansitra bidel in-numri 1 u 2 allokati mal-klassifikazzjoni finali.

“Ma naħsibx li seta’ għamel l-affarijiet differenti u għal din ir-raġuni ddeċidejna li nappellaw id-deċiżjoni tal-istewards,” qal il-kap tat-tim Taljan Mattia Binotto. Ferrari ma tawx aktar dettalji dwar il-pjan tagħhom eżattament. Notifikazzjoni tal-intenzjoni biex jappellaw ma jagħti lok għal bidu tal-proċess tal-appell. Ferrari għandhom 96 siegħa sal-Ħamis biex jiddeċiedu jekk hux se jipproċedu bi sfida uffiċjali.

Binotto tkellem dwar l-inċident fejn qal li Vettel ma kellu l-ebda intenzjoni. “Hu kien għadu fuq quddiem u prova jżommu postu fiċ-ċirkwit, sempliċi.” Binotto żied li kienu diżappuntati b’dak li ġara u kompla li fil-passat kien hemm sitwazzjonijiet simili ħafna fil-passat li kellhom ġudizzju differenti minn dak tal-Ħadd.