Għawdex Lokali

Fl-aħħar: Jasal il-vapur tal-Gozo Channel li nbena 32 sena ilu

Wara li l-Gvern Laburista ħela sitt snin biex iżid ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel, dan wasal illum u kien milqugħ mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, mal-Moll taċ-Ċirkewwa. Madankollu, il-preżentazzjoni saret minn barra, bil-media ma jitħallewx jidħlu … ħlief il-crew mqabbad mill-Ministeru nnifsu biex jinġibdu l-filmati li jridu.

Dan il-vapur, li kien tħabbar ftit jiem qabel l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, mill-ewwel qajjem kontroversja, meta l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said kien żvela li dan il-vapur għandu 32 sena. Dan meta l-età medja tal-vapuri li jintużaw fl-Italja u l-Greċja hi ta’ bejn 11 u 20 sena.

Iżda minkejja preżentazzjoni b’ħafna dettalji tekniċi dwar il-vapur, il-Ministru Justyne Caruana ma qalet xejn dwar dan il-fatt. U mistoqsija minn NET News għaliex l-Għawdxin mhux se jkunu qed igawdu minn vapur ġdid – bħal dawk li kien ħallas biex inbnew Gvern Nazzjonalista – hi ġabet l-iskuża li m’għadx għandna Tarzna.

Dan minkejja li kieku ħadem bil-għaqal, il-Gvern preżenti kellu biżżejjed żmien jixtri vapur ġdid minn kwalunkwe tarzna oħra u jasal fiż-żmien.

Il-Ministru għal Għawdex naqset milli tirrepeti dak li diġà ngħad fi stqarrija tal-Gvern stess – jiġifieri li l-vapur se jitħaddem mill-barranin, b’messaġġ ċar ta’ sfiduċja fil-ħaddiema tal-Gozo Channel. Minflok, infexxet f’attakki partiġġjani u qalet li Gvernijiet Nazzjonalisti ma kellhomx viżjoni għal Għawdex.

Naqset ukoll milli tgħid il-verità dwar il-mod kif kienu jinġiebu dawn il-vapuri. Dan hekk kif il-Ministru Justyne Caruana allegat li l-Gvern Nazzjonalista ma kienx iħallas għall-vapuri l-ġodda li kien jixtri.

F’kummenti lil Net News, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said ċaħad din l-allegazzjoni u qal li x-xiri ta’ vapuri ġodda minn Gvern Nazzjonalista kien parti mill-investiment għal Għawdex u l-Għawdxin. Dan meta l-akbar investiment f’din il-gżira sar fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.

Min-naħa l-oħra, tenna li llum qed naraw li anke f’dan il-każ, Għawdex u l-Għawdxin huma meqjusa tat-tieni klassi mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.