Lokali Saħħa Temp

Ħu ħsieb saħħtek! Aktar sħana fil-ġranet li ġejjin

Għalkemm għadna m’aħniex b’mod uffiċjali fl-istaġun tas-sajf, it-temperatura se tkompli tiżdied, bil-medja tul il-jum sas-Sibt li ġej tkun 33°C.

Fil-fatt, il-previżjonijiet tat-temp qed jindikaw li s-sħana se tippersisti f’dawn il-jiem. It-Tlieta u l-Ħamis b’mod partikolari, it-temperaturi se jinhassu ferm aktar minn 35 grad Celcius.

Id-Direttorat tas-Saħħa fi stqarrija fakkar li f’dan il-perjodu wieħed irid jixrob regolarment, jiekol affarjiet friski, ma joqgħodx fix-xemx għal ħin twil, b’mod speċjali bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar u biex wieħed jilbes ilbies ħafif. Wieħed għandu ukoll jevita milli jagħmel l-eżerċizzju fl-aktar ħinijiet sħan tal-ġurnata.

Id-direttorat tas-saħħa qal li anki min joqgħod id-dar, għandu jżomm lilu nnifsu frisk. Wieħed għandu wkoll jevita milli jixrob ħafna luminati.

Id-Direttorat tenna li jekk wieħed bilfors irid joqgħod barra, minħabba x-xogħol,  għandu jipprova joqgħod fid-dell, jew jindilek bil-krema protettiva, u jilbes ukoll kpiepel prottetivi u komdi.

Sar appell biex wieħed ma jħallix tfal jew annimali fil-vetturi, peress li meta l-vetturi jkunu fix-xemx, it-temperatura fil-karozza taf tiżdied b’10 gradi celcius fl-ewwel 10 minuti u f’temp ta’ siegħa, il-karozza tkun bejn 22 u 25 gradi celcius aktar sħuna minn barra.

Intant it-temp sħun ta’ bħalissa jaf iwassal biex isiru anqas donazzjonijiet tad-demm milli jkun hemm bżonn b’mod normali. Għaldaqstant jekk tħossok f’saħħtek il-bank tad-demm qed jappella biex wieħed imur jagħmel din l-għotja nobbli. Wieħed jista’ jagħmel dan billi jmur;

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li jiftaħ KULJUM mit-8:00am sas-6:00pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm).