Lokali

“Il-periti rari jagħmlu l-istħarriġ ġeo-tekniku meħtieġ” – MDA

L-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi fi stqarrija innotat b’dispjaċir li binja biswit sit ta’ kostruzzjoni iġġarrfet. L-MDA qalet li hekk kif semgħet bl-aħbar, uffiċjali tagħha marru fuq is-sit u ddiskutew dak li kien għadu kif seħħ mal-iżviluppatur u l-perit involut.

Irriżulta li l-iskavar fuq is-sit kien tlesta ftit taż-żmien ilu u l-iżvilupp kien għaddej b’mod normali. L-istaqarrija tkompli tgħid li mhux kompitu tal-MDA li tgħid x’inhu li jista’ jwassal għal inċidenti simili, aktar w’aktar f’każi fejn investigazzjonjiet xjentifiċi serji għad iridu jsiru biex wieħed ikun jista’ jasal għal konklużjoni dwar il-kawża jew kawżi tal-inċident.

Fid-dawl ta’ inċidenti bħal dawn, l-MDA tinnonta li l-periti rari jagħmlu l-istħarriġ ġeo-tekniku meħtieġ fuq siti tal-bini (għalkemm f’dan il-każ l-MDA ġiet infurmata li dan kien sar). L-istqarrija tiddesdrivi dan in-nuqqas bħala xi ħaġa negattiva ferm fl-industrija tal-kostruzzjoni u li hi riżultat tal-mod tradizzjonali tal-bini f’Malta. Għaldaqstant l-MDA se tipproponi lill-Gvern u lill-awtoritajiet li stħarriġ ta’ dan it-tip isiru obbligatorji bħala parti mill-proċess tal-permess ta’ żvilupp, kif isir f’diversi pajjiżi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi tissuġġerixxi aktar inizzjattivi sabiex jiġu evitati inċidenti oħra simili, tinsab determinata li fix-xhur li ġejjin tikkontribbwixxi b’mod pożittiv għat-tfassil ta’ kodiċi ġdida dwar il-kostruzzjoni f’pajjiżna.

L-Assoċċjazzjoni ttemm l-istqarrija billi tesprimi l-apprezzament tagħha lill-Uffiċju li Jirregola il-Bini tal-assistenza f’waqtha u lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, li b’kuraġġ intervjenew fuq is-sit tal-inċident.