Futbol Sport

Ir-Rumeni ma jaħfrux quddiem il-lasta u jagħlqu l-logħba wara 35 minuta

(Ritratt: Joseph Galea)

MALTA……………. 0 RUMANIJA……………. 4

Malta: H. Bonello, S. Borg, Z. Muscat, A. Agius, J. Zerafa, R. Muscat, P. Fenech (J. Grech 59’), J. Corbalan (L. Montebello 84’), J. Mbong, L. Gambin (M. Mifsud 67’), A. Effiong

Rumanija: C. Tatarusanu, A. Chipciu, I. Cristea, I. Nedelcearu (C. Sapunaru 35’), N. Bancu, R. Marin, T. Baluta, I. Hagi, A. Maxim (D. Rotariu 74’), C. Keseru (D. Man 65’), G. Puscas

Imwissija: A. Chipciu 45+1’ (R), S. Borg 60’ (M)

Tkeċċa: A. Chipciu 81’ (R)

Skorjaw: G. Puscas 7’, 29’, A. Chipciu 34’, D. Man 91’ (R)

Referee: Dennis Higler (Olanda)

Assistenti Referees: Davie Goossens (Olanda), Joost van Zuilen (Olanda)

Attendenza: 6471

Tliet gowls fl-ewwel 35 minuta assiguraw tliet punti għar-Rumanija filwaqt li kkundannat lit-tim nazzjonali Malti għat-tielet telfa konsekuttiva fi Grupp F f’rebħa ta’ 4-0. Ir-rieda tal-plejers Maltin kienet hemm iżda l-futbol ma jintlagħbx biss bir-rieda u fl-iċken mument ta’ nuqqas ta’ attenzjoni kienu kkastigati.

Ir-Rumeni ħolqu erba’ okkażjonijiet ta’ skor fl-ewwel 35 minuta, skorjaw tlieta u laqtu l-lasta filwaqt li t-tim Malti ma ħatafx l-okkażjonijiet li kellu. Id-differenza fil-kwalità bejn iż-żewġ timijiet ħarġet fil-beraħ. Ir-Rumeni huma tim tekniku u veloċi filwaqt li t-tim Malti jgħaddi minn fażijiet statiċi li f’dan il-livell mhux permessibbli.

F’din il-logħba kien hemm ukoll bidla tattika mill-kowċ nazzjonali Ray Farrugia bl-għan li t-tim ikun aktar offensiv. Joseph Mbong beda aktar avvanzat quddiem Joseph Zerafa f’sistema ta’ erba’ difensuri, iżda Zach Muscat beda jbati ftit fl-ewwel taqsima fuq in-naħa leminija. Alfred Effiong kien l-uniku attakkant bl-għajnuna ta’ Luke Gambin. Fost l-aktar plejers effettivi kien hemm Joseph Mbong u Juan Corbalan.

Ray Farrugia għamel żewġ bidliet mit-telfa ta’ 3-0 kontra l-Iżvezja. Filwaqt li ġiet ikkonfermata l-bidla fis-sistema tattika, bdew mill-bidu Joseph Zerafa u Paul Fenech flok Luke Montebello u Jake Grech. Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ Rumen Cosmin Contra għamel xejn anqas minn seba’ bidliet mid-draw ta’ 2-2 kontra n-Norveġja.

L-ewwel taqsima

Bidu tajjeb mit-tim Malti li beda jżomm il-pussess tal-ballun għalkemm fir-raba’ minuta Joseph Mbong issogra wara passaġġ ħażin fid-difiża iżda kien l-istess plejer li rkupra l-ballun b’daħla mill-aqwa. Wara sitt minuti wasal l-ewwel ċans tat-tim Malti meta minn korner mil-lemin ta’ Luke Gambin, il-gowlkiper Ciprian Tatarusanu ħareġ ħażin u l-ballun waqa’ f’saqajn Andrei Agius li deher sorpriż li l-ballun spiċċa għandu u l-konklużjoni għaddiet għoli.

Iżda minuta wara fl-ewwel okkażjoni tagħhom, ir-Rumanija fetħet l-iskor. Kien kross mix-xellug ta’ Nicusor Bancu fil-kaxxa lejn l-iżmarkat GEORGE PUSCAS li laqat il-ballun ħażin iżda spiċċa biex qarraq b’Henry Bonello u għamilha diffiċli għall-gowlkiper Malti biex isalva.

It-tim Malti reġa’ beda jidħol fil-logħba b’diversi kombinazzjonijiet pożittivi fl-attakk, iżda għal darba oħra r-Rumeni kienu perikolużi fit-tieni okkażjoni tagħhom fis-17-il minuta. Puscas irċieva passaġġ vertikali fl-ispazju, evita l-ħarġa ta’ Bonello u mil-lemin ixxuttja fil-baxx iżda kien imċaħħad mill-wieqfa. Żewġ minuti wara ċans tajjeb li ma ġiex sfruttat meta f’kontrattakk, Juan Corbalan mar għax-xutt personali li minkejja li ma kienx dgħajjef kien ċentrali u ġie salvat mingħajr problemi minn Tatarusanu.

Il-furja Maltija bdiet tonqos mal-ħin u r-Rumanija bdiet tikkontrolla l-logħba. Inċidentalment wasal ukoll it-tieni gowl fid-29 minuta bi trijangulazzjoni bejn GEORGE PUSCAS u Claudiu Keseru, b’tal-ewwel jiżmarka ruħu u rċieva l-ballun quddiemu biex għeleb lil Bonello b’xutt fil-baxx min-naħa xellugija. Dan il-gowl qata’ saqajn il-plejers Maltin li saħansitra sofrew it-tielet gowl fl-34 minuta. Minn korner mix-xellug, il-ballun spiċċa għand ALEXANDRU CHIPCIU li ngħata l-ispazju minn Alfred Effiong u b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa ma tax ċans lil Bonello.

Ir-reazzjoni tat-tim Malti waslet tliet minuti wara b’Effiong ikun indeċiż bejn xutt fil-lasta u kross fil-baxx għal Luke Gambin u l-ballun għadda barra. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Effiong seta’ għamel aħjar f’żewġ okkażjonijiet oħra meta l-ewwel tefa’ kross żbaljat lejn Luke Gambin biex fl-44 minuta dam ma xxuttja wara li kien riesaq lejn il-lasta waħdu u spiċċa biex tilef il-ballun.

It-tieni taqsima

B’distakk ta’ tliet gowls, il-logħba naqset mir-ritmu u l-importanza tagħha. It-tim Malti baqa’ jipprova biex tal-anqas jiskorja u kellu ċans fil-55 minuta bi throw-in ta’ Gambin fil-kaxxa lejn Effiong iżda x-xutt tal-attakkant għadda barra f’okkażjoni oħra mitlufa. Tliet minuti wara free-kick ta’ Keseru minn qagħda perikoluża kien b’saħħtu iżda Bonello kien pożizzjonat tajjeb u blokka x-xutt. Fis-66 minuta, Bonello reġa’ kien attent biex salva mal-art xutt ta’ Alexandru Maxim.

Ċans tad-deheb għar-raba’ gowl tar-Rumeni żewġ minuti wara b’konklużjoni ta’ Man tkun blokkata minn Bonello, u ftit sekondi wara xutt minn barra l-kaxxa ta’ Razvan Marin ma tax ċans lill-gowlkiper Malti iżda l-ballun stampa mal-mimduda. Għaxar minuti mit-tmiem, Puscas mar qrib it-tripletta personali b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra. L-unika nota negattiva għar-Rumeni fil-logħba kienet it-tkeċċija ta’ Alexandru Chipciu li ntwera t-tieni karta safra għal fawl fuq Juan Corbalan.

L-għan ta’ Farrugia fl-aħħar minuti kien li tal-anqas jasal il-gowl b’Luke Montebello jidħol flok Juan Corbalan. Proprju minuta wara, is-sostitut Michael Mifsud kellu ċ-ċans li jnaqqas id-distakk iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda barra minkejja l-pożizzjoni li kien fiha. Fl-isforzi li jinstab gowl, it-tim Malti beda jattakka aktar u bħalma jiġri dejjem, meta t-tim Malti jkun żbilanċjat ftit isofri gowl kif filfatt ġara hekk kif fil-91 minuta s-sostitut DENNIS MAN irċieva ballun f’kontrattakk, ġibed fuq ix-xellug u għeleb lil Bonello b’xutt fil-baxx.