Lokali

Kevin Cutajar jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari

Hu ta’ privileġġ għalija li nkun parti mill-Parlament Malti, fejn ħa nipprova nsarraf din ir-responsabbiltà f’ħidma, partikolarment għall-Għawdxin li esprimew fiduċja fija.

Hekk qal Kevin Cutajar, id-Deputat il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista li ntagħżel mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit biex jimla’ l-post battal minn David Stellini.

Hu għamel kelmtejn tal-okkażjoni ftit tal-ħin wara li ħa l-Ġurament tal-Ħatra bħala Deputat tal-Oppożizzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-viżjoni ta’ Kevin hi waħda ċara u nadifa, li kapaċi ġġib lill-pajjiż flimkien ħalli nġibu l-aħjar riżultat anke minn min jibża’ li mhux kapaċi jasal minn rajh.

Hu appella lill-Ispeaker u lill-Gvern biex Kevin Cutajar, Avukat kollega u Għawdxi li jħobb lill-gżira, jingħata l-opportunitajiet kollha biex l-abbiltajiet tiegħu jitgawdew minn kulmin irid jaħdem għall-pajjiż.

Byron Camilleri, il-Whip tal-Gvern f’isem il-kollegi tiegħu, awgura lil Kevin Cutajar ħafna snin ta’ ħidma għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

U min-naħa tagħha, id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li hu ta’ unur għaliha li mil-lum se tibda ssejjaħlu Onorevoli Membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti.