Lokali

L-anzjana li ġġarrfitilha r-residenza fil-Mellieħa għadha bl-ebda għajnuna

Margareth Smith, l-anzjana li sbieħ is-Sibt li għadda spiċċat mingħajr saqaf fuq rasha wara li ġġarrfet il-binja li kienet qed tgħix fiha fil-Mellieħa, għadha qed tistenna kwalunkwe forma ta’ għajnuna biex terġa’ tikseb ħajjitha lura.

Hu biss grazzi għal ħabib tal-familja, li nzerta jinsab imsiefer, li almenu għandha post temporanju fejn toqgħod. Kliem Lindsay, bint Margareth, li ma’ NET News spjegat x’ġara dakinhar tal-inċident … filwaqt li appellat biex ommha terġa’ tkompli tgħix ħajja normali.

Lindsay spjegat kif hi u binha ħelsuha għax telqu mid-dar nofsiegħa qabel. Kieku ma ħarġux f’dak il-ħin, kienu jispiċċaw jinqabdu fil-parti li ġġarrfet.

Lindsay Smith

Huma kienu laħqu telgħu fuq l-ajruplan fi tmiem vaganza biex jaraw lill-anzjana. Hemm, issejħu u tniżżlu mill-ajruplan minħabba li seħħ dan il-każ. Min-naħa l-oħra, ommha qamet fil-ħin għax ħasset trab u frak jaqgħu mis-saqaf meta beda t-theżżiż.

Appena qamet, Margareth sabet id-dar imġarrfa għalkollox, bis-sodda fejn kienet rieqda spiċċat nofsha mdendla ‘l barra. Bintha Lindsay qalet li l-fatt li ommha għadha ħajja hu “miraklu”.

Iżda issa l-problema ddur lejn il-futur ta’ Margareth, li issa tilfet kulma kellha, fosthom anke l-affarijiet personali u ta’ identifikazzjoni. Għaldaqstant, Lindsay marret titlob l-għajnuna mill-Kummissjoni Għolja Ingliża.

Minflok, hi kienet mgħarrfa li b’xi mod trid issib il-Passaport ta’ ommha, li kif spjegatilna, spiċċa totalment mirdum taħt il-fdalijiet. Iżda offrewlha għajnuna finanzjarja u aċċess għall-internet biex tniżżel il-formoli, li essaċċ m’għandhiex bżonn.

Lanqas mill-Gvern Malti ma sabet għajnuna, hekk kif ċemplet lill-Ministeru ta’ Michael Farrugia, responsabbli mill-Intern, iżda baqa’ ħadd ma kellimha lura.

Min-naħa l-oħra, Lindsay kellha kliem qawwi ta’ tifħir u ringrazzjament għall-Pulizija, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-paramediċi, li ħadu sehem fl-operazzjoni u baqgħu ma’ ommha.

Siltiet mill-intervista ma’ Lindsay jixxandru fl-edizzjoni tal-lejla ta’ NET Live.