Lokali

Muscat jibqa’ favur in-nomina ta’ Timmermans għall-President tal-Kummissjoni Ewropea

Minkejja l-wegħda elettorali li jdaħħal sistema unika tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea, għad-detriment ta’ Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikompli jwebbes rasu bl-appoġġ sħiħ lil Frans Timmermans għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Tant hu hekk, li Muscat stess qal li bħala Prim Ministru qed jappoġġja isem Timmermans fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri. Għaldaqstant, minflok f’isem Malta kollha, Muscat jidher li qed jitkellem biss f’isem dak li jridu s-Soċjalisti.

Fi tmiem laqgħa mal-membri tal-MEUSAC, il-Prim Ministru kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti. Hu wieġeb li l-Gvern se jkun qed jappoġġja lil Timmermans filwaqt li skont hu, il-Parlament Ewropew għandu jingħaqad wara din l-għażla.

Dan wara li, fl-istess laqgħa, il-Prim Ministru qal li l-għażla għandha tkun dwar il-viżjoni tal-persuna għall-ħames snin li ġejjin.

Madankollu, sa minn qabel l-elezzjonijiet Ewropej tax-xahar li għadda, il-Kandidat tas-Soċjalisti Ewropej qed iwiegħed fost l-oħrajn proposta dwar it-taxxa li tmur kontra pajjiżna. Hu kien ingħata l-appoġġ għal din il-proposta meta Muscat, bħala Mexxej Laburista, għannaq b’approvazzjoni lil Timmermans waqt il-mass meeting politiku quddiem Kastilja.

Min-naħa l-oħra, il-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber qatt ma qabel ma’ din il-proposta, b’appoġġ lejn pajjiżi bħal Malta, li jintlaqtu ħażin mis-sistema unika tat-taxxa proposta mis-Soċjalisti.