Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal mhux se jikkompeti qabel Wimbledon

(Ritratt: EPA)

Ir-rebbieħ tal-Open ta’ Franza Rafael Nadal qal li mhux se jilgħab kompetizzjonijiet fuq il-ħaxix  qabel it-tournament ta’ Wimbledon iżda hu kunfidenti li jista’ jisfida serjament biex jikseb it-tielet suċċess f’dan il-Grand Slam.

L-Ispanjol għeleb lil Dominic Thiem fil-finali u resaq żewġ Grand Slams bogħod mir-rekord ta’ 20 li għandu Roger Federer. It-tennist ta’ 33 sena se jirritorna f’Mallorca biex jistrieħ qabel jilgħab f’Wimbledon fi tmiem ix-xahar.

Nadal rebaħ it-tournament ta’ Wimbledon fl-2008 u fl-2010 iżda minn dakinhar ir-riżultati tiegħu kienu mħallta minkejja li s-sena l-oħra wasal sas-semifinali. Hu sofra minn problemi fl-irkoppa tul il-karriera tiegħu, tant li naqas li jikkompeti fil-Grand Slam fl-2009 u fl-2016.

Rafael Nadal ukoll kellu problemi fil-preparazzjoni għar-Roland Garros iżda lagħab brillanti waqt it-tournament. “Is-sena l-oħra kont punt bogħod mill-finali. Ħassejtni kompetittiv fl-aħħar ftit snin, għaliex irrid nibdel? Li jagħtini ċans aħjar hu li nkun fiżikament b’saħħti, aktar milli nilgħab ħafna logħob,” qal l-Ispanjol.

Tags