Futbol Sport

Spanja u l-Polonja jsaħħu posthom fil-quċċata fil-gruppi tagħhom

(Ritratt: EPA)

Spanja kompliet tafferma l-pożizzjoni tagħha bħala l-aqwa tim fi Grupp F b’rebħa ta’ 3-0 kontra l-Iżvezja f’Estadio Santiago Bernabeu. Huma kellhom jistennew sal-64 minuta biex fetħu l-iskor meta ngħataw penalty wara li kross ta’ Marco Asensio ħabat ma’ id Sebastian Larsson. Mill-11-il metru l-captain SERGIO RAMOS bagħat lil Robin Olsen in-naħa l-oħra tal-ballun. L-Ispanjoli għalqu l-logħba fl-84 minuta meta Filip Helander waqqa’ lil Alvaro Morata fil-kaxxa biex ingħataw it-tieni penalty. ALVARO MORATA skorja b’xutt fuq ix-xellug tiegħu. MIKEL OYARZABAL saħansitra kabbar il-vantaġġ żewġ minuti wara b’xutt preċiż għar-rokna.

In-Norveġja qabżet lit-tim Malti fil-klassifika wara rebħa ta’ 2-0 kontra l-Gżejjer Faroe li għadhom mingħajr punt. BJÖRN MAARS JOHNSEN kien l-eroj għat-tim ta’ Lars Lagerback b’doppjetta fit-tieni taqsima. Inċidentalment iż-żewġ gowls waslu b’daqqiet ta’ ras, bit-tieni gowl jgħaddi l-ballun minn taħt idejn il-gowlkiper Teitur Gestsson.

Il-Polonja tinsab komda fil-quċċata ta’ Grupp Ġ b’rebħa ta’ 4-0 fuq l-eqreb rivali Iżrael biex issa għandha ħames punti vantaġġ. L-attakkant KRZYSZTOF PIATEK fetaħ l-iskor fil-35 minuta b’xutt b’saħħtu fuq l-ewwel lasta minn pożizzjoni ftit angolata. Huma rduppjaw fis-56 minuta bi kross ta’ Kamil Grosicki ġie ġġudikat li ħabat ma’ id Shiran Yeini. Mill-11-il metru ROBERT LEWANDOWSKI ma żbaljax. KAMIL GROSICKI għalaq il-logħba żewġ minuti wara meta rċieva ballun preċiż fit-tul u għadda l-ballun minn bejn idejn Ariel Harush. DAMIAN KADZIOR issiġilla r-rebħa fl-84 minuta.

L-Ukrajna wkoll saħħet postha fl-ewwel post ta’ Grupp B, b’rebħa minima fuq il-Lussemburgu. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat wara sitt minuti b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ ROMAN YAREMCHUK wara kross preċiż.

Minn Grupp D, rebħa oħra għat-tim Irlandiż din id-darba fuq Ġibiltà 2-0. Huma fetħu l-iskor fis-27 minuta b’xutt ta’ David McGoldrick ikun imxellef minn Joseph Luis Chipolina u spiċċa fix-xibka, b’ROBERT BRADY jissiġilla r-rebħa fit-93 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin wara kross preċiż mix-xellug.

Riżultati kollha

Grupp A: Bulgarija v Kosovo 2-3, Repubblika Ċeka v Montenegro 3-0

Grupp B: Serbja v Litwanja 4-1, Ukrajna v Lussemburgu 1-0

Grupp D: Danimarka v Georgia 5-1, Irlanda v Ġibiltà 2-0

Grupp F: Gżejjer Faroe v Norveġja 0-2, Malta v Rumanija 0-4, Spanja v Żvezja 3-0

Grupp Ġ: Maċedonja ta’ Fuq v Awstrija 1-4, Latvja v Slovenja 0-5, Polonja v Iżrael 4-0